Saturday, December 28, 2024

Proġett pilota se jassisti ħwienet tal-merċa biex jużaw l-enerġija u l-ilma b’iktar effiċjenza

Aqra wkoll

Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, ħwienet tal-merċa se jkunu qed jibbenefikaw minn energy auditsbiex fl-operat tagħhom ikunu jistgħu jżidu l-effiċjenza fl-enerġija u fl-ilma.

Il-proġett MERĊA (Managing Essential Resources in Retail through Consumption Analysis)se jindirizza ħwienet li jaqgħu taħt il-lista NACE G u jkollhom tagħmir li jsaħħan jew ikessaħ, refriġerazzjoni u sistemi ta’ dawl u ilma. Dan il-proġett huwa mistenni li jkun ta’ għajnuna għan-negozji li permezz ta’ informazzjoni miġbura minnhom se jwassal għal rakkomandazzjonijiet li jkunu applikabbli għal gruppi ta’ ħwienet oħra.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim, l-EWA u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji se jkunu qed jikkollaboraw biex jassistu ħwienet li joperaw fis-settur tal-ikel u tax-xorb biex l-operat tagħhom ikun aktar sostenibbli.

Dan il-proġett pilota se jkun qed jiswa €50,000 u se jkopri medda ta’ sentejn. Matulhom se tkun qed tinġabar informazzjoni fejn jiġu identifikati proċessi u prattiċi biex ikunu jistgħu jsiru r-rakkomandazzjonijiet neċessarji.

“Dan il-proġett se jkun qed isostni żewġ riżorsi ferm importanti, dawk tal-enerġija u tal-ilma. Diversi negozji jkunu jixtiequ jagħmlu bidliet sostenibbli u permezz ta’ dan il-proġett pilota se nkunu qed nassistu lil dawn l-intrapriżi jagħmlu din il-bidla għal aktar operat b’enerġija nadifa,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano enfasizza dwar l-irwol tal-aġenzija, li tippromwovi u tipprovdi sapport għal prattiċi iktar sostenibbli. “L-aġenzija tikkollabora ma’ diversi stakeholders, bħalma hi l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, għax huma għandhom il-polz ta’ dawn in-negozji u għalhekk ikun iktar faċli biex inkunu qrib ta’ dawn il-gruppi,” irrimarka s-Sur Sapiano.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo qalet li l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji hija grata li se tkun qed tagħmel parti mill-ġbir ta’ informazzjoni f’dan il-proġett u rringrazzjat lill-Aġenzija tal-fiduċja. Is-Sinjura Mamo qalet, “Huwa ferm importanti u essenzjali l-proċess fejn se tkun qed tinġabar informazzjoni minn ħwienet Maltin, u għalhekk aħna ninsabu onorati li qed nikkontribwixxu f’dan il-proġett.”

Ekonomija

Sport