Saturday, May 4, 2024

ITS b’suċċess fis-Settur tal-Għadis.

L-Istitut tal-Istudji Turistiċi jinawgura bini għall-Iskola Internazzjonali tas-Sikurezza u l-Mediċina tal-Għadis, jiffirma MOU ma’ PADI Worldwide u jħabbar korsijiet b’xejn għaċ-ċentri tal-għadis.

Aqra wkoll

F’konferenza stampa li saret fil-kampus tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) fil-Qala, Għawdex, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Ministru għal Għawdex inawguraw bini fl-istess kampus li ser jintuża għall-International School of Diving Safety and Medicine (ISDSM).

L-ISDSM, li ġiet imnedija fl-2017, huwa ftehim konġunt bejn l-ITS u DAN Europe b’kollaborazzjoni ma’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Iskejjel ta’ l-Għadis Professjonali (PDSA), u għanda l-għan li tippromwovi programm edukattiv wiesa’ billi tiddisinja kurrikuli ta’ korsijiet speċifiċi fil-qasam tas-Sikurezza ta’ l-Għadds., Riċerka u Mediċina, li jiffoka fuq is-sostenibbiltà tal-industrija tal-għadis. Fil-fatt, permezz tal-ISDSM, fl-2020 tnieda Baċellerat fix-Xjenza fl-Immaniġġjar tas-Sikurezza tal-Għadis, b’sessjonijiet prattiċi isiru fil-kampus tal-ITS f’Għawdex. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, is-Sur Pierre Fenech qal li x-xogħol fuq dan il-bini ilu għaddej għal sena bi kważi €60,000 jiġu investiti. Dawn jinkludu tagħmir għas-sigurtà tal-għadis, li wħud minnhom huma l-uniċi tax-xorta tagħhom fil-gżejjer Maltin.

Is-Sur Fenech innota wkoll l-interess li qed jiġi ġġenerat fl-isfera internazzjonali għal dan il-programm pijunier tal-Baċellerat fix-Xjenza fil-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Għadis. Fil-fatt, fil-ġurnata tal-konferenza, ġie ffirmat ukoll MOU ma’ PADI Worldwide, li huwa l-mexxej dinji fit-taħriġ rikreattiv tal-scuba diving. Dan l-MOU ġie ffirmat biex jistabbilixxi relazzjoni siewja u produttiva biex javvanza studji akkademiċi u kredenzjali fl-industrija tal-għadis, b’mod partikolari permezz tal-ġestjoni tat-Turiżmu tal-Għadis.

L-Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet u t-Taħriġ tal-Industrija tal-PADI, Mark Caney, qal li huma kuntenti ħafna li PADI intgħażel bħala s-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-bugħaddasa li ser tingħata lill-istudenti li qed jistudjaw il-Baċellerat fix-Xjenza fil-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Għadis. Minħabba li l-PADI hija organizzazzjoni magħrufa ta’ taħriġ għall-għaddasa madwar d-dinja, huma kunfidenti li se jkunu jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess tal-gradwati.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li ” l-għadis huwa sors importanti għall-ekonomija Għawdxija u hu għalhekk il-bżonn li nippriservaw u nipproteġu din l-industrija filwaqt li nżommuha sostenibbli u innovattiva.” Il-Ministru sostna li l-gżejjer Maltin jipprovdu esperjenzi tal-għadis uniċi u fost l-isbaħ fil-Mediterran.  Kull sena l-ammont ta’ turisti li jżuru Għawdex u Malta speċifikament għall-iscuba diving qed jiżdied kif ukoll turisti li meta jkunu fil-gżejjer tagħna jiddeċiedu li jipprattikaw l-għadis. Il-Ministru għal Għawdex temm jgħid li dan il-kors se jkompli jattira lejn il-gżejjer tagħna aktar persuni interessati fl-għadis.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka kif dan il-kampus huwa konferma oħra ta’ kemm s-settur tal-għadis huwa kruċjali għal industrija tat-turiżmu li tkun waħda sostenibbli. “Is-settur tal- għadis huwa opportunita kbira għal pajjiżna biex nattiraw turiżmu ta’ kwalita. Ċertament li dan il-kampus l-ġdid u l-providiment ta’ dan il-kors qiegħed ipoġġina pass ieħor ‘il quddiem biex naslu għal viżjoni tagħna li Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza turistika għas-snin li ġejjin,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Matul l-istess ċerimonja ta’ inawgurazzjoni, il-Ministru Clayton Bartolo ħabbar li matul il-ġimgħat li ġejjin, iċ-ċentri tal-għadis Maltin ser jiġu kkuntattjati biex jiġu offruti kors b’xejn dwar il-kwalità tal-arja fiċ-ċilindri u l-kumpressuri tal-għadis. Dawn il-korsijiet huma possibbli grazzi għat-tagħmir investit fil-bini tal-ISDSM fil-kampus tal-ITS f’Għawdex.

Sport