Wednesday, April 24, 2024

“Il-fatt li qed narawh ferħan tqawwilna qalbna” – omm Gabriel

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-tfajjel Gabriel, li ftit tal-jiem ilu għamel operazzjoni ġewwa l-Amerka, qiegħed jirkupra tajjeb. 

Dan is-sit tkellem ma’ ommu Marcelle Abela fejn spjegat li bħalissa jinsab fl-istadju fejn tidħol ċertu ammont ta’ ħidma u b’hekk hija importanti ħafna l-fiżjoterapija. 

F’filmat li tellgħet jumejn ilu, Gabriel deher kuntent ħafna għax skopra abiltà ġdida.

Ommu qalet: “It-tifel diġà minn wiċċu qed jidher aħjar u xi jumejn ilu skopra li jista’ jehmeż. Sinċerament qas aħna qatt ma ndunajna biha din il-ħaġa. Abiltà ċkejkna imma għal Gabriel tfisser ħafna u anke għalina. Il-fatt li qed narawh ferħan tqawwilna qalbna.”

F’filmat li ommu ppubblikat fl-aħħar sigħat Gabriel deher ukoll jagħmel l-ewwel passi tiegħu mindu saret l-operazzjoni.

Għal min ma jafx lil Gabriel u l-istorja tiegħu, dan it-tfajjel għandu l-kundizzjoni ta’ Cerebral Palsy.  L-operazzjoni li għamel Gabriel jisimha Selective Dorsal Rhizothomy. Dan it-tip ta’ intervent isir għal min għandu din il-kundizzjoni biex jeħles mill-għebusija fil-muskoli u n-nervituri.

Wara dan l-intervent, il-pazjent ikun jista’ jakkwista aktar moviment mingħajr uġigħ.

L-omm spjegat li wara din l-operazzjoni huwa importanti immens li ssir il-fiżjoterapija li tinvolvi tip ta’ eżerċizzji ta’ ‘stretching’ għall-ewwel u gradwalment ikunu jistgħu jipproċedu għal eżerċizzji varji.

Sport