Friday, December 27, 2024

Proġett ta’ manutenzjoni u tisbiħ fil-Ħamrun

Aqra wkoll

B’investiment ta’ ftit aktar minn €45,000, il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun implimenta proġett ta’ manutenzjoni u tisbiħ fi Triq San Ġużepp u Triq Nazzjonali fil-Ħamrun u l-madwar. Il-fondi inkisbu permezz tal-iskema finanzjarja “Manutenzjoni u Sostenn ta’ Proġetti Infrastrutturali Maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern”, li tinħareġ mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li proġetti infrastrutturali maġġuri li jkunu mwettqa mill-Gvern Ċentrali f’snin preċedenti jkunu jistgħu jiġu miżmuma fi stat tajjeb. Dawn il-fondi jservu sabiex il-kunsilli lokali jkunu f’pożizzjoni li jwettqu manutenzjoni fuq tali proġetti.

Il-proġett kien jinkludi pavimentar ġdid, street furniture, pjanti, waste bins u aluminium panels għal aktar aċċessibilità u sigurtà mal-kumplament tal-pont pedonali.

Waqt żjara, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-kunsill lokali tal-Ħamrun għad-dedikazzjoni sabiex inkisbu l-fondi u għall-ħidma biex twettaq dan il-proġett.

“Il-kwalità tal-ħajja hija fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-Gvern, għaldaqstant kommessi li nibqgħu nipprovdu l-għodda meħtieġa sabiex l-Kunsilli Lokali jaqdu bl-aħjar mod in-neċessitajiet tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom u jindirizzaw l-isfidi li jinbidlu kontinwament,” qalet Alison Zerafa Civelli.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun Christian Sammut qal li permezz tal-fondi miksuba saru xogħlijiet ta’ tisbiħ u pavementar ġdid li għamlu z-zona aktar aċċessibbli. Huwa spjega li dan il-proġett seta’ jsir biss permezz tal-fondi addizzjonali mill-iskema ffinanzjata mill-Gvern.

Min-naħa tagħha, id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Marisa Pisani qalet li dan il-finanzjament ikkontribwixxa għal titjib fl-infrastruttura u l-benessere inġenerali tar-residenti tal-Ħamrun.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.

Ekonomija

Sport