Monday, April 29, 2024

Iffirmat ftehim sabiex ikompli jsaħħaħ is-servizz online għal persuni vulnerabbli

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġedded ftehim soċjali illi kellu ma’ SOS Malta sabiex din l-NGO tkun tista’ tibqa’ toffri servizzi soċjali fil-komunità.

Dan il-ftehim speċifikament jolqot is-servizz kellimni.com, li jingħata 24 siegħa kuljum, sabiex iservi ta’ sapport psikoloġiku. Persuna tista’ tagħmel kuntatt ma’ din l-NGO, anke b’mod anonimu, permezz ta’ telefonata, Messenger u anke WhatsApp. Fil-fatt, tingħata mad-9,000 siegħa ta’ sapport fis-sena mill-professjonisti. Din il-ħidma kontinwa saħansitra salvat persuni milli jagħmlu suwiċidju.

Għal dan is-servizz il-gvern alloka s-somma ta’ €780,000 fuq medda ta’ 3 snin, u b’hekk din l-NGO tkun tista’ tibqa’ tagħti dan is-servizz 24 siegħa kuljum. Is-sapport jingħata online b’mod individwali u anke permezz ta’ group therapy. B’kollox se tingħata mad-9,600 siegħa ta’ online mentoring, 800 siegħa ta’ counselling individwali u 80 sessjoni ta’ group therapy.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, fejn saħaq illi s-saħħa mentali hija ta’ importanza kbira, għaliex kollox idur mal-kapaċitajiet psikoloġiċi u emozzjonali tal-individwu.

“Dan il-Gvern jemmen fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, tant li fost oħrajn tajna lura l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, bil-għan li nsaħħu l-ħin ta’ kwalità. Ejja nkunu hemm għal xulxin fl-aktar mumenti importanti tal-ħajja għaliex aħna soċjetà waħda,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Sport