Monday, April 29, 2024

L-EWWEL MA TIEKOL L-GĦAJN

– Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo

Aqra wkoll

Ninsabu f’Lulju. Perjodu li huwa marbut intrinsikament mal-ivvjaġġar u l-ospitalità. B’mod sinfikattiv, din hija l-ewwel sena fi tliet snin li matulha ma għexniex restrizzjonijiet marbutin ma’ pandemija.

L-indikaturi qegħdin juruna li għas-sajf ta’ din is-sena mistennija nilħqu l-volumi li kellna lura fl-2019 u saħansitra anke nissuperawhom. Fl-aħħar mill-aħħar dak huwa l-għan tagħna. Irridu li l-investiment li qegħdin nagħmlu fuq reklamar barra minn xtutna, it-titjib fil-konnettività bl-ajru u tisħiħ tal-prodott turistiku ikunu kontributuri ewlenin biex dawk involuti direttament jew indirettament fit-turiżmu jkomplu jgħixu l-ġid li qegħdin noħolqu flimkien.

Madankollu, it-turiżmu huwa settur li jista’ jiġi mqabbel ma’ maratona sportiva b’differenza li ma tispiċċa qatt. Il-Gżejjer Maltin kienu, għadhom u ser jibqgħu f’ġirja li fiha rridu nkomplu naġġornaw l-offerta li noffru għal kull min jagħżel li jżur lill-pajjiżna fuq raġunijiet diversi.

Għaddejjin b’ħidma mportanti li permezz tagħha qegħdin nattiraw diversi niċeċ turistiċi bħal turiżmu sportiv, turiżmu reliġjuż u turiżmu marbut mal-għadis. Dan qiegħed issir flimkien ma’ numru ta’ proġetti u inizjattivi oħrajn immirati li l-prinċipju tal-kwalità jiġi mħaddan u implimentat fost l-ispetru kollhu tal-ospitalità. Permezz ta’ dan il-pjan irridu noħolqu mudell ta’ turiżmu li jkun sostenibbli u mhux staġjonali.

Fl-aħħar xhur bdejna naraw mill-ġdid ir-riġenerazzjoni ta’ żoni turistiċi tradizzjonali. Bdew ix-xogħlijiet tant bżonnjuzi fuq ix-xatt tal-bajja tal-Għadira, fil-ġimgħat li ġejjin ser tkun lesta l-pjazza tal-Mellieħa kif ukoll dalwaqt mistennija jibdew ix-xogħlijiet fuq il-pjazza tal-Birgu u Bugibba.

Nafu fejn sejrin iżda rridu nirrikonoxxu l-isfidi preżenti. Is-sajf iġib miegħu konsum iżjed mis-soltu kemm mit-turisti iżda anke mill-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għaddejja b’ħidma ta’ kuljum biex ikollna pajjiż li jkun iżjed nadif.

Ta’ kuljum madwar 75 ħaddiem jimpenjaw ruħhom biex inaddfu it-toroq arterjali ta’ pajjiżna. Dan jinkludi wkoll tindif ta’ bajjiet b’mod regolari li jibda minn kmieni filgħodu permezz ta’ sand sifters biex jitnaddaf ir-ramel filwaqt li fl-istess ħin jiġu mbattla l-kontenituri tal-iskart tal-madwar.

Apparti r-rutina ta’ tindif regolari ma’ żoni turistiċi ewlenin u ċentri kummċerjali oħrajn, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għaddejja bi proġett li permezz tiegħu qegħdin jitwaħħlu diversi kontenituri ta’ skart fuq ix-xtut prinċipali ta’ pajjiżna. F’lokalitajiet turistiċi li jinkludu San Ġiljan, tas-Sliema u l-Gżira diġa twaħħlu 75 kontenitur ġdid ta’ skart u mistennija jiżdiedu iżjed fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra.

Anċillari ma’ din l-iskeda mpenjattiva, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni qegħda tagħmel interventi immedjati li jkunu mitluba minn diversi Kunsilli Lokali sabiex tingħata l-assistenza neċċessarja. F’dawn iż-żminijiet, jibdew ukoll il-preparamenti għal ewwel maltempata li jista’ jkollna lejn l-aħħar tas-sajf billi jitnaddfu s-sistemi ta’ kanali tal-ilma tax-xita.

Il-ħsieb tagħna dwar l-indafa jeħtieġ li jkompli jevolvi. Kull wieħed u waħda minnha għandu jkollna r-rispett lejn l-ambjent li jmur ‘il bogħod minn kull abbuż. Bħala Maltin u Għawdxin għandna nagħmlu l-parti tagħna biex inkunu ta’ eżempju u nosservaw ir-regolamenti marbutin mal-iskart. Huwa b’dan il-mod li jkollna pajjiż iżjed organiżżat, nadif u fuq kollox iżjed attraenti għal min iżurna. Għaliex, l-ewwel ma tiekol l-għajn.

Sport