Sunday, December 22, 2024

Proġett ta’ stormwater fiż-Żurrieq biex titnaqqas il-problema tal-għargħar

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, fiż-żona magħrufa bħala Tal-Bebbux, fiż-Żurrieq, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, beda proġett importanti ta’ stormwater, li se jkun qiegħed jgħin biex titnaqqas il-problema tal-għargħar f’din iż-żona.

Din is-sistema finalment tingħaqad ma’ oħra eżistenti għat-taffija tal-għargħar li tbattal fi Blue Grotto Avenue. B’investiment ta’ madwar €160,000, din is-sistema se tkun qed tkopri madwar 140 metru.

Matul żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia enfasizza li din is-sistema l-ġdida ta’ lqugħ u ġbir tal-ilma tax-xita hija waħda bżonnjuża għar-residenti li jgħixu f’din iż-żona fiż-Żurrieq.

Is-Segretarju Parlamentari rrimarka li dan il-proġett, flimkien ma’ proġetti oħrajn simili li saru fl-aħħar xhur, jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern, li jimmassimizza s-serħan tal-moħħ u s-sigurtà tar-residenti fil-lokalitajiet tagħna.

“Din is-sistema, li se tkun qed tikkumplimenta xogħlijiet oħrajn li diġà saru fix-xhur li għaddew f’dan il-lokal, hija ntiża li tnaqqas il-problema tal-għargħar, kif ukoll nassiguraw li jinġabar il-maġġoranza tal-ilma tax-xita,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Min-naħa tiegħu, il-Perit Mario Ellul spjega li dan il-proġett jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ culverts mat-triq, fejn se jkunu qed jitqiegħdu katusi u kaxxi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita.

Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima aċċennat għall-importanza ta’ dan il-proġett, li se jkun ta’ sostenn kbir għar-residenti Żrieraq, speċjalment fix-xhur tax-xitwa.

Ekonomija

Sport