Monday, December 23, 2024

Programm b’saħħtu ġdid ta’ għajnuna lill-Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jniedi programm b’saħħtu ġdid ta’ għajnuna lill-Kunsilli Lokali kollha. Programm b’saħħtu li jingħaqad mal-firxa wiesgħa ta’ proġetti pjanati għall-Kunsilli. Proġett ta’ sinerġija bejn il-Gvern lokali u l-Gvern ċentrali fejn ikunu individwalizzati x’inhuma x-xewqat tal-Kunsilli u jkunu mwettqa. 

Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’diskors li għamel waqt il-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fiż-Żejtun. 

Il-Prim Ministru beda biex qal li ta’ kuljum iridu jaħdmu bis-saħħa sabiex jikkonvinċu dejjem aktar u aktar nies jingħaqdu mal-Partit Laburista. “Għandna programm ta’ ħidma b’saħħtu għal Malta. Deħlin għal dawn is-seba’ ġimgħat b’għan wieħed – biex nagħtu vuċi dejjem aktar b’saħħitha lil kull wieħed u minnkom, lil kull min iħobb lil Malta u Għawdex għeżież tagħna,” qal Dr Abela.

Huwa kompla jgħid li t-8 ta’ Ġunju li ġej huwa jum ta’ deċiżjonijiet mill-aktar rilevanti. “Se nagħżlu x’irridu mil-lokalitajiet tagħna. Lil min irid imexxihom. Bħala Partit Laburista kburi li se nippreżentaw tim ta’ kandidati b’saħħtu mżejjen bl-esperjenza kif ukoll ħafna u ħafna kandidati ġodda.”

Dr Abela tenna li kemm jekk hux minħabba d-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell Ewropew, jew inkella l-azzjonijiet li jridu jittieħdu fuq bażi lokali, l-għażla tat-tmienja ta’ Ġunju hi waħda relevanti ħafna għall-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin. 

“Għalhekk, ħbieb tiegħi, it-tmienja ta’ Ġunju relevanti u relevanti ħafna. Għax id-deċiżjoni li se nieħdu hija deċiżjoni dwar il-futur ta’ pajjiżna. Deċiżjoni dwar il-futur tal-komunitajiet li ngħixu fihom. Għalhekk irridu nibqgħu naħdmu flimkien,” qal il-Prim Ministru.

Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva ż-żjara li kellu din il-ġimgħa fil-Pharmadox bħala eżempju ċar ieħor ta’ kumpanija li kompliet tinvesti u tispeċjalizza f’pajjiżna u jkompli jżidu l-ħaddiema f’karrieri differenti.

Min-naħa l-oħra, Dr Abela rrimarka kif quddiem din ir-realta’, issib Oppożizzjoni negattiva u distruttiva. “Qatt tisimgħu lill-Oppożizzjoni jew il-kandidati tagħha isemmu xi ħaġa pożitiva dwar Malta? Le għax ma jifilħux is-suċċess ta’ pajjiżna. Li jfisser li ma jifilħux is-suċċess tagħkom. Iridukom qalbkom maqtugħa. Jirrepetu t-tgergir ħalli jwassal għal qtigħ il-qalb. Ara aħna, komplejna din il-ġimgħa bil-konsultazzjoni.

Ilbieraħ nofstanhar fost nies ta’ kull fehma politika niddiskutu r-riformi fil-qorti tal-familja. Sigħat inħabbtu l-ideat. Għax hekk iġġib il-bidla. Bħala partit komplejna bit-townhall events fejn komplejna nisimgħu. Nisimgħu mingħand nies differenti dwar temi differenti.” 

Il-PM sostna kif l-ideat li dan il-Gvern irid imexxi ’l quddiem iridu jirriflettu x-xewqat tagħkom. “Fejn l-elf proposta li għażiltu intom, inżewġuhom mal-ħtiġijiet tagħkom għal-lokal tagħkom. Irridu naraw li x-xewqat li għandna fuq bażi lokali nwassluhom iktar malajr. Għalhekk nikkollaboraw gvern ċentrali u gvern lokali.” 

Bl-istess mod għandu relevanza t-tmienja ta’ Ġunju fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għax dak li jiġri fil-fora Ewropea u internazzjonali jaffettwa dirett lin-nies. Jekk minflok il-paċi, nrewħu l-kunflitt, il-konsegwenzi jbatihom kulħadd.

“Aħna fl-Ewropa mhux fuq armi li jweġġgħu mmorru nitkellmu. Fuq il-paċi u l-bżonn li l-ġlied, hu fejn hu, jieqaf b’mod immedjat. Tkellimt ukoll din il-ġimgħa fil-Kunsill Ewropew dwar Ewropa għan-nies. Li b’mod tanġibbli ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini tagħha. Tkellimt fuq it-trasport u l-konnettività – li għalina bħala gżira huma kruċjali mhux bies f’dak li jiffaċilita l-moviment ta’ persuni, iżda wkoll għal dak li għandu x’jaqsam ma’ importazzjoni ta’ prodotti. Biex il-prezzijiet jibqgħu stabbli. U dwar il-mediċini. Li aħna żgħar jew fil-periferija, m’għandux ifisser li jkollna inqas aċċess minn ħaddieħor għal xi ħaġa daqstant essenzjali.  Fi Brussell  sostnejt li rridu nibqgħu Ewropa għan-nies. Fejn naraw ir-realtajiet ta’ kulħadd – mill-ikbar sal-iżgħar. Unjoni b’inqas burokrazija.”

L-attività politika tal-lum kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg.

Ekonomija

Sport