Saturday, December 21, 2024

Projbiti mis-suq prodotti b’sustanza semi-sintetika tal-kannabis

Aqra wkoll

B’effett immedjat ma jistax isir bejgħ, riklamar u konsum ta’ firxa ta’ prodotti li kienu qegħdin jinbiegħu fis-suq b’periklu kbir għas-saħħa tal-utenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg spjegat li flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa ħareġ l-avviż legali 238 tal-2024 biex jipprojbixxi dawn il-prodotti li fihom doża ta’ HHC (Hexahydrocannabinol) li kienu qegħdin jinbiegħu bħala alternattiva qarrieqa u legali tas-sustanza li tinsab fil-kannabis.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li din is-sitwazzjoni żviluppat fl-aħħar żminijiet u kienet iktar inkwetanti għaliex dawn il-prodotti saħansitra tpoġġew fis-suq fost oħrajn f’forom ta’ lollipops u marshmallows u ppakeġġjati biex ikunu attreanti u aċċessibbli anke għat-tfal.

Hija saħqet li l-Gvern għamel riforma serja dwar l-użu responsabbli tal-kannabis u mhu ser iħalli lil ħadd japprofitta ruħu minn din ir-riforma. “Ser inkomplu nindirizzaw sitwazzjonijiet bħal dawn, għaliex dan il-gvern kien, għadu u jibqa’ kontra l-abbuż tad-droga. Nisħaq ukoll li dan l-intervent legali sar prinċipalment biex insaħħu l-ħarsien tas-saħħa pubblika,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli mill-Kannabis (ARUC) Dr Joey Reno Vella qal li kienet l-awtorità stess li xprunat din il-projbizzjoni b’intervent legali għaliex hija viġilanti kontra abbużi li jistgħu jimminaw is-sens veru tar-riforma li huwa li jirresponsabilizza l-użu tal-kannabis b’regolamentazzjoni u b’superviżjoni serja tal-assoċjazzjonijiet liċenzjati.

Dr Vella għamilha ċara li dawn l-assoċjazzjonijiet bl-ebda mod ma kienu involuti fil-bejgħ ta’ dawn il-prodotti li issa ġew projbiti. Spjega wkoll li xi ħwienet li fetħu f’xi lokalitajiet li kienu jbiegħu dawn il-prodotti m’għandhom ebda konnessjoni mal-assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC.

Ekonomija

Sport