Saturday, December 21, 2024

Propost ċensiment nazzjonali tal-ħiliet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-dokument dwar il-politika nazzjonali tax-xogħol qed jipproponi li jsir ċensiment dwar il-ħiliet sabiex b’hekk l-Istat jara fejn hemm defiċjenzi u b’hekk isaħħaħ u jtejjeb il-ħiliet li għandna f’pajjiżna.

Dan id-dokument, li tnieda dalgħodu mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, fih xejn inqas minn 40 rakkomandazzjoni, bl-għan aħħari tiegħu jkun dak li jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. 

L-istess dokument qiegħed jipproponi li biex il-ħaddiema jkunu megħjuna fil-vjaġġ tagħhom fid-dinja tax-xogħol u jkunu preparati għall-ekonomija ta’ għada, hemm bżonn li jitfassal qafas tal-ħiliet għas-setturi kollha. Dan il-qafas huwa bżonnjuż biex jidentifika l-bżonnijiet tal-industrija kif ukoll biex jidentifika l-ħiliet li hemm bżonn għall-ekonomija ta’ għada.

Waqt il-konsultazzjonijiet li saru fl-aħħar xhur, ħareġ ukoll l-importanza tal-apprentistat għall-ekonomija u biex jiġu attirati aktar studenti u żgħażagħ għal ċertu industriji li jista’ jkun li waqt li qegħdin fis-sistema edukattiva ma jgħallihomx minn moħħhom li jidħlu fihom. 

Id-dokument qed jipproponi sistema online fejn kumpaniji jkunu jistgħu jirreklamaw li qed ifittxu apprentisti u biex l-istudenti jkollhom il-possibiltà li japplikaw u juru l-interess tagħhom. Fis-snin li ġejjin il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti f’sistema ta’ apprentistat li proprju jixraqlu pajjiżna.

Dwar il-ħaddiema ta’ esperjenza fis-suq tax-xogħol, qed ikun propost li f’dak li jirrigwardja taxxa, id-dħul mill-pensjoni u d-dħul mix-xogħol jinżammu separati.

Barra minn hekk, dan id-dokument qiegħed jipproponi wkoll illi t-taxxa fuq l-overtime tkun ta’ 15% sa massimu ta’ €10,000. B’hekk il-ħaddiem ikollu inċentivat li jibqa’ jaħdem mal-istess kumpanija bħala overtime u mhux part-time. 

Dwar Għawdex, id-dokument jipproponi li jingħata credit għal kontribuzzjoni soċjali għal ħaddiem u għal min iħaddem għal perjodu off-peak.

Ekonomija

Sport