Il-Gvern qiegħed jipproponi li l-kumpilazzjoni għandha tingħalaq fi żmien sena minn meta l-imputat jitressaq jew jidher għall-ewwel darba quddiem il-Qorti. Din hija waħda mill-proposti ewlenin elenkati fid-dokument li nieda l-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika b’rabta mar-riforma fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u t-tneħħija tal-proċess tar-rinviju.
Id-dettalji ta’ din ir-riforma tħabbru f’konferenza stampa li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Kummissarju għal-Liġijiet, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi.
Fost proposti oħra hemm li jiżdiedu l-każijiet fejn il-kumpilazzjoni tista’ ma ssirx billi minn reati b’massimu ta’ sitt snin ħabs se jiżdiedu wkoll dawk li l-massimu ma jeċċedix it-12-il sena ħabs.
Qed ikun propost ukoll li l-Prosekuzzjoni trid tmur il-Qorti bil-provi u tippreżentahom fi żmien massimu ta’ 70 ġurnata u li numru ta’ xhieda se jkunu jistgħu jixhdu b’affidavit.
“Se naraw ukoll li kwistjonijiet kostituzzjonali u ta’ drittijiet fundamentali ma jwaqqfux il-proċess tal-kumpilazzjoni filwaqt li se jiddaħħlu emendi biex naraw li l-vittmi jkollhom il-jedd jipparteċipaw attivament fil-proċeduri,” spjega l-Ministru Attard. Intqal ukoll li se jiddaħħlu emendi sabiex il-vittmi jkollhom il-jedd li jipparteċipaw ativament fil-proċeduri.
Proposta oħra hi dik li f’każ ta’ ammissjoni bikrija jkun hemm tnaqqis awtomatiku u bil-liġi tal-piena li ma tiddependix mid-diskrezzjoni tal-prosekuzzjoni jew tal-Qrati.
Il-Ministru Attard stqarr li din hija riforma importanti biex is-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja titjieb u titbiegħed mill-periklu tal-istaġnar. Riforma immirata biex tassigura li s-soċjetà tiġi protetta aħjar mill-perikli tal-kriminalità, kif ukoll, biex isservi ta’ benefiċċju għal min ikun involut fi proċess kriminali, kemm jekk bħala akkużat, kemm jekk bħala vittma, kif ukoll jekk bħala xhud biex dawn il-persuni jgawdu r-rispett għad-drittijiet tagħhom u l-ġustizzja ssir fi żmien raġjonevoli.
Il-Ministru għall-Ġustizzja qal li l-proċess ta’ riforma fil-ġustizzja huwa wieħed kontinwu li dan il-Gvern affrontah f’dawn l-aħħar snin b’żidiet fir-riżorsi u b’żidiet fin-nefqa bla preċedent.
“Din ir-riforma li qed nitrattaw f’din il-konsultazzjoni pubblika ssegwi riformi oħrajn importanti, bħal dik tat-trasferiment tal-prosekuzzjonijiet mingħand il-pulizija għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, liema riforma wkoll qed twassal għall-ispeditezza fil-konklużjoni tal-kumpilazzjonijiet. Flimkien ma’ din ir-riforma se naraw li l-qafas legali tagħna jkompli jissaħħaħ biex ma jitħalla ebda lok għal dewmien fil-proċeduri kriminali,” tenna l-Ministru Attard.
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sa nhar l-Erbgħa 31 ta’ Mejju, 2023 u s-suġġerimenti jistgħu jiġu sottomessi b’email fuq [email protected] jew onlajn fuq publicconsultation.gov.mt.