Il-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika t-tieni politika nazzjonali dwar id-drogi, għall-10 snin li ġejjin. Fost il-proposti hemm l-introduzzjoni ta’ liġi ġdida li tippermetti testijiet għal għarrieda fuq is-sewwieqa bil-għan li jkun hemm tolleranza żero għall-użu lleċtu tad-drogi. Sal-lum din ma kinitx issir, imma ssirr biss fuq abbuż tal-alkoħol.
Din il-politika nazzjonali hija msejsa fuq erba’ prinċipji ewlenin fejn l-għan tal-gvern huwa li jonqos l-użu tad-drogi fost il-poplu inġenerali partikolarment il-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Dan filwaqt ukoll li jkun provdut trattament effettiv, rijabilitazzjoni, u programm li jnaqqas il-ħsara kaġunat mill-użu ta’ drogi kif ukoll li titmexxa ‘l quddiem l-integrazzjoni soċjali tan-nisa u rġiel li jkunu maħkumin mill-vizzju tad-drogi u li jipprovdu opportunitajiet ta’ respite għal dawk li jsibu ruħhom f’diffikultajiet għal darba oħra.
Dan id-dokument ta’ konsultazzjoni li kien varat mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon jinkludi fih numru t’azzjonijiet proposti li jistgħu jgħinu sabiex inaqqsu ta’ provvista u domanda għad-droga filwaqt li jingħataw aktar saħħiet legali biex ma jkunx hemm dewmien żejjed dwar każijiet ta’ pussess personali.
F’dan ir-rapport hemm ukoll ideat li jistgħu jwasslu sabiex saħansitra isalva ħajja ta’ persuna li tkun f’sitwazzjoni kritika li titlef ħajjitha, speċjalment f’każ t’overdose tal-eroina. Hawnhekk issemma l-ispray Narkan, li jista’ jingħata fl-immedjat mill-pulizija jew professjonisti oħra.
Fid-dokument hemm propost ukoll li tissaħħaħ it-taqsima tac-cybercrime biex tkun tista’ tissorvelja aktar it-tranżazzjonijiet li jsiru minn fuq l-internet u dawk li jinvolvu x-xiri ta’ sustanzi illegali permezz ta’ cryptocurrency, b’mod partikolari dawk relatati mad-darknet.
Proposta oħra se tkun it-twaqqif ta’ Korp Nazzjonali ta’ Infurzar tal-Liġi li tkun komposta minn aġenziji ta’ infurzar lokali u li se tiffaċilita approċċ aktar koerenti fl-isforzi nazzjonali u anke dawk internazzjonali biex titnaqqas il-provvista tad-droga filwaqt li tiġi miġġielda l-kriminalità relatata mad-droga.
Waqt li nieda dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, il-Ministru Falzon tkellem dwar kif dan hu pass kuraġġjuż fid-dawl ta’ żviluppi li saru fit-tip u l-kwalità tad-droga disponibbli fis-suq. Aktar minn hekk għall-fatt li din il-politika ilha ma’ tiġi aġġornata sa’ mill-2008.
“Ejjew nifhmu lil kull persuna li tabbuża mid-droga, anke jekk mhux frekwenti. Għandna sitwazzjoni fejn aktar persuni qed ifittxu d-droga, speċjalment f’postijiet tad-divertiment, jew saħansitra f’ċelebrazzjonijiet tal-familja. Kull persuna jixirqilha dinjita’ u rispett, wara kull każ hemm familja, hemm it-tfal. Jekk nonqsu jew nagħlqu għajnejna għal ftit każijiet, inkunu fallejna mhux biss lil dik il-persuna, iżda anke bħala soċjeta”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa fil-ħames ġimgħat illi ġejjin, u kulħadd jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu b’email fuq [email protected].