Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li jkun is-suq liberu li jiddetta s-settur tal- enerġija, bil-konsegwenza li l-piż jitpoġġa fuq in-nies b’kontijiet ogħla.
Kien fit-28 ta’ Lulju li għadda li l-Oppożizzjoni ħabbret disa’ proposti fil-qasam tal- elettriku, bl-aħħar waħda tkun miżura li Malta ddaħħal il-liberalizzazzjoni tas-suq tad- distribuzzjoni tal-enerġija. F’konferenza mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u l- kelliema tiegħu Mark Anthony Sammut u Ryan Callus, intqal li dan il-pass ikun jippermetti li jkun hawn lok ta’ investiment mill-privat, u allura kompetizzjoni.
Jumejn wara, fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech emfasizza fuq din il-proposta u qal li jrid ikisser il-monopolju billi jiftaħ is-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija biex, fi kliemu, il-konsumaturi jkollhom id-dritt li jagħżlu huma lil min iridu li jfornihom bl-enerġija.
Din il-proposta tal-Oppożizzjoni fil-fatt tmur kontra l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali ta’ sena u nofs ilu, fejn kien propost li “inżommu kontroll u diskrezzjoni sħiħa fuq minn fejn jinxtara l-elettriku kif ukoll fuq id-drittijiet tad-distribuzzjoni.”
Filwaqt li qatt ma ġie spjegat għaliex il-Partit Nazzjonalista mar fid-direzzjoni opposta f’temp ta’ ftit xhur, analiżi teknika tal-proposta dwar liberalizzazzoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku turi żbalji bażiċi mill-Oppożizzjoni li għal darba oħra qed turi nuqqas ta’ għarfien f’dan il-qasam importanti għal pajjiżna.
Bil-kontra ta’ li qed jgħid Bernard Grech, is-sistemi tad-distribuzzjoni huma meqjusa bħala “monopolji naturali” fid-direttiva Ewropea dwar is-suq tal-elettriku.
Meta jgħid li jrid jilliberalizza s-suq, wieħed jassumi li l-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed fil-verita jirreferi għar-regoli tal-Unjoni Ewropea li jipprovdu li kull pajjiż irid irid jagħti opportunita ta’ iktar minn produttur wieħed tal-enerġija kif ukoll għażla lill- konsumatur bejn suppliers differenti.
Malta diġa qed tippermetti iktar minn produttur wieħed, bl-involviment tal-Enemalta, l-Electrogas u l-importazzjoni tal-elettriku bl-interconnector. Għalhekk, il-pluralita tal- produtturi kif mitlub mill-UE diġa teżisti f’Malta.
Dwar l-għażla għal suppliers differenti, Gvern Nazzjonalista kien innegozja deroga mal- UE li żżomm milli jkun hemm dan l-obbligu fuq pajjiżna, u għalhekk l-Enemalta baqa s- supplier uniku tal-elettriku. Din id-deroga kienet ġiet imġedda mill-Gvern Laburista għal 7 snin, u issa tiskadi fl-2027, bil-possibilita li terġa tiġġedded.
Issa li l-Partit Nazzjonalista ħareġ kontra t-tiġdid ta’ din id-deroga, xorta bl-ebda mod ma tista tfisser il-liberalizazzjoni tad-distribuzzjoni.
Meta kien qed jiddiskuti dan is-suġġett quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Kontijiet Pubbliċi, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat spjega li “l-kelma ‘liberalizazzjoni tad- distribuzzjoni’ ma teżistix. Biżejjed tara x’jiġri f’pajjiżi oħra, kull reġjun ikollu distributur wieħed”.
Għalhekk huwa għal kollox żbaljat dak li kiteb il-kelliem tal-Oppożizzjoni Mark Anthony Sammut fuq il-facebook meta qal li “min jixtieq jinvesti f’żoni partikolari u jipprovdi alternattivi ta’ distribuzzjoni ikun jista jagħmel dan”. Fil-verita, huwa fatt magħruf li kull żona ġeografika ikollha monopolju fuq id-distribuzzjoni.
Dan huwa kkonfermat mid-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq ‘Access to and use of energy services’ li tgħid “There is a distinct difference between an energy supplier and a network operator. You can choose the supplier but not the network operator in your area.”
Dr Muscat jispjega li fil-każ ta’ Malta, jekk tipprova tilliberalizza s-suq, l-iktar li jista jkollok huwa distributur wieħed f’Malta u distributur ieħor f’Għawdex. “In-network jibqa dejjem tal-Enemalta biss. Li tista tagħmel huwa li tħalli kumpaniji oħrajn li jużaw id-distribution network tal-Enemalta biex jinbiegħ l-elettriku”, qal l-eks Prim Ministru.
Din l-attitudni hija żbaljata għaliex twassal għal sitwazzjoni fejn ikollok suppliers privati li jiġbdu lejhom lill-konsumaturi industrijali li huma l-iktar profittabbli, u minn fejn illum l-Enemalta taqla l-flus.
Il-konsegwenzi huma negattivi. Dr Muscat qal li b’din il-proposta “l-Enemalta tispiċċa biss tissuplixxi lill-konsumaturi domestiċi u titgħabba b’element soċjali, minflok kummerċjali. B’hekk, jiżdiedu l-ispejjez għall-Enemalta u twassal biex jiżdiedu l- kontijiet tad-dawl”.
Din il-proposta mill-Partit Nazzjonalista ġabet reazzjonijiet ta’ tħassib minn bosta, fosthom mis-segwaċi tal-istess Oppożizzjoni fuq il-mezzi tas-soċjali tagħha malli tħabbret din l-idea.
Uħud mill-kummenti kienu jgħidu: “għalhekk ħallejtuha għall-aħħar din il-proposta, tirranġawha lil Malta!”, “eżatt bħal m’għamiltu biċ-ċilindri tal-gass, minn 5 ewro ġiew jiswa 20 ewro” u “din proposta oħra li tgħid li jerġa jogħla d-dawl”.
L-għaqda Żminijietna: Leħen ix-Xellug innutat li f’Malta, it-tariffi tal-enerġija huma ferm baxxi meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra u inqas min-nofs il-medja Ewropea. Qalet li l-proposta ta’ Bernard Grech se toħloq problemi għall-affordabbiltà u s-sigurtà tal-enerġija.
L-opinjonista indipendenti Raphael Vassallo kiteb li ‘Liberalisation leads to lower prices. Really? Since when?’. Qal li ma jistax jifhem kif Bernard Grech jista’ jsostni li l- liberalizzazzjoni tal-enerġija mhux se tirriżulta f’żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, meta kulħadd jaf li din il-proposta kellha l-istess effett fil-passat.
Fl-aħħar jiem, wara l-kritika qawwija li ffaċja, il-Partit Nazzjonalista waqaf isemmi din il-proposta għal kollox. Għalkemm sa issa għadu ma ħabbarx jekk huwiex qed jirtiraha u jirritorna għal pożizzjoni opposta u uffiċjali li kellu sal-aħħar elezzjoni ġenerali.