Monday, April 29, 2024

Ħaddiema ddejnu €1,300 biex ħallsu lill-aġenziji fin-Nepal għal xogħol f’Malta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Quddiem is-sitwazzjoni fejn f’pajjiżna hawn għadd ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li inġabu hawn mingħajr ma għandhom xogħol u qegħdin jistennew bil-ħniena li jingħataw xogħol, waqt li  oħrajn li jinsabu jaħdmu hawn qegħdin jitħaddmu f’’kundizzjonijiet mill-agħar b’każi ta’ ħaddiema ma jitħallsux dak li hu dovut lilhom,  qiegħed iqum il-bżonn li dawk kollha involuti jiingħaqdu bejniethom biex is-sitwazzjoni tkun regolata. Persuni qrib dan is-settur li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “fil-pajjiż m’hawn ebda distinzjoni bejn min iġib in-nies f’pajjiżna u l-kuntratturi li jissupplixxu lin-nies lill-kumpanija. Bħalissa hawn sitwazzjoni fejn ma tafx min qed iġib in-nies u ma tafx min hu l-kuntrattur. Lanqas jeżistu garanziji finanzjarji, biex jekk ħaddiem li jkun inġab minn aġenzija partikolari u ma jitħallasx, eventwalment jitħallas minn dawk l-istess garanzija. Għandna sitwazzjoni fejn kollox jipponta lejn dawn il-ħaddiema. Jinkrew qisu xejn mhu xejn. Jitwaqqfu ix-xogħol u jispiċċa bla xogħol b’xi drabi lanqas ikunu infurmati. U jekk fi żmien għaxar t’ijiem jintemmilhom l-impjieg ma’ jsibux impjieg ieħor, huma jitqiesu bħala persuni irregolari u jridu jitilqu mill-pajjiż. Kif tista’ ssib xogħol f’għaxar t’ijiem biss?”, qalilna l-istess sors.

L-istess sors qalilna li “l-istejjer li qegħdin nisimgħu u anki li qegħdin ixxandru l-midja juru li hemm bżonn regolamentazzjoni.  Hemm bżonn li aġenziji, kuntratturi u oħrajn li huma involuti fis-suq ta’ dawn il-ħaddiema barranin jingħaqdu bejniethom  u jfasslu dokument biex nimxu ‘lquddiem. Qiegħed nifhem regolamenti, standards u dan biex dawn il-ħaddiema ma jispiċċawx jiġu hawn u jgħaddu minn infern sħiħ.  Naħseb li l-ewwel li m’għandu jsir hu li l-aġenziji xogħlhom ikun biss li jaraw li jinġabu n-nies li hemm bżonn u jieqfu hemm biex imbagħad l-istess ħaddiema jaħdmu ma’ kuntratturi li jipprovdu ħaddiema għal setturi diversi. Ma jistax ikollok l-aġenziji li huma ukoll jippruvaw jagħmlu xogħol ta’ kuntrattur.”

L-istess sors qalilna li “wara li s-settur ikun tkellem u poġġa l-ideat ‘l quddiem, wieħed jistenna li jitħejja dokument u dan jiġi ppreżentat lill-Gvern. Żgur li hemm bżonn li r-rwol ta’ min iġib in-nies u tal-kuntrattur iridu jkunu separati”. 

L-istess sors qalilna li “hawn kuntratturi li xejn huma kuntenti bis-sitwazzjoni. Dan għax mal-ħażin qiegħed jeħel it-tajjeb u qegħdin jeħlu huma ukoll. Hawn min għandu ħaddiema minn pajjiżi terzi u huma mħaddmin skont kif titlob il-liġi kemm bħala ħinijiet u anke bħala ħlas. Biss, hemm abbuż kbir oħrajn u dak l-abbuż ma nistgħux nagħlqu għajnejna għalih. Kif nistgħu naċċettaw li jkollna ħaddiema li inġabu f’pajjiżna biex jaħdmu, ħallsu flejjes li għalihom huma sostanzjali, iżda dawn imbagħad lanqas għandhom xogħol hawn. Spiċċaw jaħdmu bil-‘black market”.

Ħallast Rs200,000 (€1,200) … la darba tispiċċa f’Malta ħadd ma jkun interessat aktar fik

Diversi ħaddiema minn Nepal tkellmu ma’ IT-TORĊA dwar dak li għaddew minnu. “Biex ġejna hawn ħallasna somma flus jien ħallast kważi Rs200,000. Hemm min ħallas xi ftit inqas. Dan biex isibuli xogħol barra l-pajjiż. Ġejt hawn u bdejt naħdem. Tispiċċa litteralment waħdek. Min ikun sablek ix-xogħol ma jibqgħax aktar intresset fik la darba tkun f’pajjiż barrani. Dak li jiġrilek jew dak li tiltaqa’ miegħu trid tara inti kif issolvieh. Kellna persuni spiċċaw bla xogħol. Nippruvaw ngħinuhom kif nistgħu, għax jekk tispiċċa bla xogħol jispiċċalek id-dħul.”

Mana (isem mibdul biex nipproteġu l-identità tiegħu) jgħidilna li ‘l-flus li qiegħed naqla hawn huma ħafna aħjar minn dawk f’pajjiżi. Hemmhekk il-paga hi ta’ ftit aktar minn €120 fix-xahar. Id-dħul hawn hu aktar. Anki jekk tispiċċa bla xogħol hawn, jekk tagħmel xi xogħol ieħor sakemm issib impjieg, taqla aktar minn kemm konna naqilgħu hemm”.

Negozjar bil-ħaddiema … ’ninbiegħu u ninxtraw’

Jgħidilna li “biex ġejna hawn ħallasna l-flus. Mhux ftit. Jien ma kellix biex inħallashom u silfuhomli nies li nafhom.” Nistaqsieh kif isir il-proċess fin-Nepal biex jiġu f’pajjiżna fis-sens, kif jibdew l-ewwel kuntatti mal-aġenziji.

“Jien u familti ma ngħixux fil-belt. Ngħixu f’villaġġ. L-ewwel kuntatt beda ma rappreżentant ta’ aġenzija fil-villaġġ feen ngħixu.  Jien smajt b’ħafna stejjer ta’ ħaddiema, li siefru u kien qegħdin jikkontribwixxu biex familthom ittejjeb il-ħajja tagħha. Rajna familji jagħmlu kambjament għall-aħjar. Il-flus li bdew jirċievu bdew jgħinuhom itejbu ħajjithom.”

Mana jgħidilna li “l-aġent kellu rispons pożittiv. Mill-ewwel indikali xogħlijiet u pajjiżi fejn nista’ nmur. Bejn wieħed u ieħor anki spjegali kemm se tkun il-paga.”

Jispjega li “imma dan għandu prezz. Ridt inħallas lill-aġent biex hu imexxini ‘l quddiem. Warajh imbagħad ridt inħallas l-aġenzija tar-reklutaġġ li hi bbażata f’Kathmandu. Filfatt hi l-aġenzija li imbagħad tiffinalizza kollox. L-aġent fir-raħal qisu dak il-persuna li finalement iwassal in-nies għand l-aġenzija.  L-ispiża telgħet għal €1,200, u kelli nitlob l-għajnuna. Mill-aġenzija jagħmlulek kuraġġ li la darba tibda taħdem f’pajjiż barrani, dawk jitħallsu fi żmien qasir”.

Ġejt u sibt realtà ferm differenti minn kif kienu qaluli

Mana jgħid li “meta ġejt hawn sibt li r-realtà kienet differenti minn kif kienu qaluli. Tinduna li f’dan ix-xogħol tispiċċa litteralment f’idejn min iħaddmek.  Titlaq ma tistax. Issib xogħol ieħor hi diffiċli. Jibdew jitolbu minnek sigħat żejda. Ġieli jkun hemm ukoll qtugħ mill-paga. Daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra.  Bdejt naħdem ferm aktar minn tmien sigħat.”

“Tħossok dispjaċut. L-aktar għax meta ippruvajt nagħmel kuntatt mal-aġenzija fin-Nepal wara dawk il-flus kollha li ħallast, dawn lanqas biss weġbuni lura. Ridt ninfurmahom dwar dak li kien qed jiġri, iżda ma irċevejt ebda tweġiba. Bħali ġralhom il-kollegi”, jgħidilna Mana.

“Ngħixu f’inċertezza … qegħdin dejjem dahrna mal-ħajt”

Hari (isem mibdul biex nipproteġu l-identità tiegħu) li jgħix fl-istess appartament ma’ Mana jgħidilna li “għalkemm il-ħlas hu aħjar, ħajjitna qiegħda f’inċertezza kbira. Jekk jgħidulek taħdem sigħat aktar se tgħidilhom le? Ikunu pronti jgħidulek inti trid taħdem jew trid tmur lura lejn pajjiżek? Xi jfisser din? Mhux li jwaqqfuk u jkollok tara x’se tagħmel.  U jekk iwaqqfuk fuq min se ddur? L-aġenziji mhux se jgħinuk, għax la darba tmur fil-pajjiż barrani ma jafukx aktar.  Jien anke xogħol li mhux tiegħi ituni nagħmel.  Ikun hemm ħaddiema Maltin li jgħiduli, li dak mhux xogħli. Imma la qabbduni nagħmlu x’nagħmel? Ma jkollhix triq oħra ħlief li nagħmlu. Meta staqsejt jekk hux xogħli, fakkruni li l-kuntratt daqt jagħlaq. Jekk jagħlaq il-kuntratt u ma jġeddulix fisser li mur lura.  Naħdmu u ngħixu f’inċertezza”, temm jgħidilna.

Sport