Thursday, December 26, 2024

PROTEZZJONI

Aqra wkoll

Kif qed issir il-protezzjoni ta’ inħawi bi preġju naturali? F’das-sens, protezzjoni ma tfissirx biss li l-inħawi ma jitħallewx jintużaw għal skopijit ta’ bini jew skopijiet oħra li jibdlulhom il-ħsus tagħhom.

Għandha tfisser ukoll l-isforzi regolari ta’ kura u manteniment li jinżammu għaddejja biex l-inħawi jibqgħu f’ “kondizzjoni” tajba. Dwar dan ftit issib informazzjoni li hi aċċessibli faċilment għall-publiku. Konvint li qed issir u li hemm numru ta’ nies dedikati biex jindokraw kif imiss l-oqsma ta’ sbuħija u interess f’li baqa’ mill-ambjent tal-pajjiż. Xieraq li nkunu nafu aktar dwar ix-xogħol tagħhom u kif jiġi ppjanat u organizzat.

Jekk dan ma jsirx, l-impressjoni tingħata li l-ħidma kollha hi waħda ta’ ftit valur. Mentri l-importanza tagħha m’għandhiex tiċċekken. Bil-maqlub, trid tiġi emfasizzata dejjem aktar.

Fiha għandhom jiġu involuti l-għaqdiet volontarji interessati fid-difiża tal-ambjent naturali, inkluż dawk li dejjem issibhom minn ta’ quddiem nett biex jikkritikaw il-ħidma dal-gvern. Għax f’dal-qasam ukoll, ir-rieda tajba u l-intenzjonijiet ġenwini malajr jintgħarfu, skond l-impenn ta’ kif mill-kliem ngħaddu għall-fatti.

TARDIVI

Kienet ħaġa stramba dis-sena kemm damu biex jitilqu ċerti kampanji “personali” għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Kif nifhimha jien, biex kampanja trabbi r-rankatura u titlaq sew, trid tibda mas-sena qabel l-elezzjoni. Dan għax il-kostitwenza ta’ kontestant hu l-pajjiż kollu. Biex twassal messaġġ personali fuq din l-iskala, trid iż-żmien.

Sa issa, dal-fattur kważi dejjem tqies bħala kruċjali. Dawk li telgħu rnexxielhom b’mod jew ieħor ifasslu profil nazzjonali li “jintgħaraf”. Dis-sena, l-biċċa l-bkira tal-kandidati baqgħu lura milli jiddikjaraw kmieni. Tgħid ikkalkolaw li għalihom fattur aktar importanti milli jibdew kmieni bil-kampanja tagħhom, kien dak li riedu jaraw l-ewwel x’karrijiet se tiġbed il-magna tal-partit?

Jekk dik hi r-raġuni, xejn mhi waħda li tawgura tajjeb.

ANTI-SEMITIŻMU

Minn jipprova jorbot il-kritika li qed issir ta’ Iżrael dwar il-mod barbaru kif qed imexxi l-kampanja tiegħu fil-Gaza ma’ anti-semitiżmu qed isegwi prattika li ilha s-snin titħaddem. Din hi li tidentifika kull kritika ta’ xi jkun qed jagħmel Iżrael bħala anti-semitiżmu.

Dit-tattika mhijiex vijabbli aktar fil-qafas ta’ x’jinsab għaddej illum fil-Gaza. Bla dubju, l-attakk tal-Ħamas ta’ Ottubru fuq Iżrael kien orribbli, inaċċettabli għal kollox u jibqa’ jixraqlu kull kundanna. Imma xejn ma jista’ jiġġustifika l-mod kif Iżrael baqa’ jmexxi l-attakk tiegħu fuq il-poplu ta’ Gaza bla ebda qies għall-imwiet fi gzuz ta’ nies ċivili – fosthom nisa u tfal – li żgur ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-attakk tal-Ħamas.

Li ssostni dil-ħaġa bl-ebda mod ma jagħmel minnek xi anti-semita.

Ekonomija

Sport