Saturday, December 14, 2024

PROVA OĦRA TA’ KEMM L-AMBJENT HUWA PRIJORITÀ

Aqra wkoll

L-ambjent naturali ta’ pajjiżna se jkompli jingħata prijorità. Dan wassal lill-Gvern biex jieħu miżuri mhux biss ta’ protezzjoni imma wkoll li jkabbar il-kultura tal-poplu favur l-ambjent billi jkun ta’ eżempju huwa stess.

It-tħabbira tal-Prim Ministru li l-impjant ta’ Sant’Antnin, li matul is-snin kien ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti tal-madwar l-aktar bl-irwejjaħ ħżiena li kien jarmi, se jingħalaq hi ta’ konsolazzjoni mhux biss għan-nies tal-lokal imma wkoll għall-poplu inġenerali. Dan billi s-sit se jiġi mibdul f’park aħdar għall-familji.

Mid-disinji li dehru ta’ kif se jkun il-proġett jidher li se jkun wieħed modern għall-aħħar. Is-sit tal-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant’Antnin se jkun riġenerat fi spazju aħdar fl-urban iddominat minn siġar maturi, korpi tal-ilma, diversi faċilitajiet edukattivi u faċilitajiet oħra. Qed jiġi propost parkeġġ taħt l-art, li se jservi wkoll lill-Marsaskala b’e-park and ride li jinkoraġġixxi mobilità sostenibbli.
F’inqas minn 24 siegħa tat-tħabbira tal-PM, il-WasteServ issottomettiet l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-proġett lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Huwa ta’ sodisfazzjon ninnutaw li dan il-proġett se jsir fi sfond ta’ konsultazzjoni pubblika u finalment id-deċiżjoni se tittieħed wara din il-konsultazzjoni. Dan jixhed kemm il-Gvern Laburista huwa Gvern li jisma’ u jagħti widen għal dak li jgħidu n-nies.

Fil-frattemp, il-proġett se jsir ukoll fuq l-istess linji tal-ECOHIVE, li għandha l-għan li ttejjeb iż-żona tal-Magħtab. Nemmnu bħal dejjem li aktar ma jkun hawn spazji ħodor mhux biss igawdu l-familji Maltin minn ambjent san imma wkoll ikompli t-tisbiħ ġenerali ta’ pajjiżna, li żgur jixraqlu aktar minn dawn l-ispazji, li jinvolvu żrigħ ta’ siġar endemiċi u mhumiex kif ukoll arkitettura moderna li tpaxxi l-għajn.
Nemmnu wkoll li dan il-proġett se jżid il-kuntentizza tan-nies speċjalment ta’ dawk l-għaqdiet li huma favur l-ambjent.

Ekonomija

Sport