Monday, May 13, 2024

Ikkonfermat il-ħelsien ta’ tmien persuni mixlija b’importazzjoni ta’ droga mill-Olanda 22 sena ilu

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ma laqgħetx l-appell tal-Avukat Ġenerali u lliberat tmien persuni li 22 sena ilu kienu mixlija b’involviment fi pjan biex tiddaħħal f’Malta kwantità kbira ta’ droga bi pjan imfassal mill-ħabs.

L-akkużati fosthom John Camilleri mill-Imqabba kienu mixlija b’kompliċità fl-importazzjoni ta’ żewġ kilogrammi kokaina, kilo eroina u madwar 2,000 pillola ecstacy mill-Olanda. Fil-Qorti ħareġ li l-pjan allegatament kien jinvolvi 19-il persuna, fosthom raġel Olandiż. 

Dwar dan il-każ tressqu l-Qorti wkoll Yvette Muscat, Trudy Testa, Pierre Camilleri, Carmen Armani, Sylvana Bugeja, Juma Said Karfoosh, Suzanne Abela u Albert Bugeja.

F’Settembru tal-2017, il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberat lil Camilleri minħabba li l-istqarrijiet li ta waqt l-interrogazzjoni ma setgħux jintużaw bħala evidenza kontrih peress li l-akkużat ma kienx akkumpanjat minn avukat waqt l-arrest. Sena wara, il-Maġistrat Francesco Depasquale, illum Imħallef, kien ta sentenza simili lit-tmien akkużati oħra implikati f’dan il-każ.

Min-naħa tiegħu l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali appella mis-sentenzi bl-appell instema’ mill-Imħallef Neville Camilleri. Fid-deċiżjoni tiegħu, huwa kkonkluda li għalkemm seta’ kien hemm suspett raġjonevoli dwar is-sehem tal-akkużati fil-pjan, ma tressqu ebda provi li fuqhom setgħu jinstabu ħatja.

Mis-sentenzi jirriżulta li l-istqarrijiet li kienu taw lill-Pulizija waqt l-investigazzjoni ma ġewx kunsidrati mill-Qorti minħabba li tteħdulhom mingħajr il-preżenza ta’ avukat.

Mill-provi l-oħra ma ġietx stabbilita l-ħtija għal raġunijiet varji fosthom għax ma ġiex ippruvat li l-mobile phones interċettati kienu tal-akkużati jew għax fit-telefonati li fihom kienu involuti wħud mill-akkużati ma kienx hemm referenza ċara għad-droga.

Kien għalhekk li l-Imħallef Camilleri kkonferma s-sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati li bihom it-tmien akkużati nħelsu mill-akkużi dwar is-sehem tagħhom fl-allegat pjan biex tiddaħħal id-droga f’Malta.

Sport