Wednesday, October 9, 2024

MINN FEJN TLAQNA … FEJN SEJRIN

Jikteb Stefan Zrinzo Azzopardi, Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Tiftakar meta Lawrence Gonzi kien Prim Ministru u kien jara l-maltemp? Meta n-Nazzjonalisti taħt Gonzi kien ikollhom sfida quddiemhom għażlu li jitfgħu l-piżijiet fuq in-nies bl-għoli esaġerat tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u ddeċidew li ma jonorawx wegħda elettorali ewlenija li jnaqqsu l-income tax, wegħda li mbagħad wettaqha l-Partit Laburista fil-Gvern.

Fl-aħħar għaxar snin, meta konna iffaċċjati bil-maltemp u sfidi, ma żidniex il-piżijiet fuq in-nies. Waħda mill-ewwel sfidi kienet li kellna pajjiż staġnat ekonomikament, kellna rekord ta’ qagħad li qatt ma konna rajna bħalu u defiċit enormi fil-finanzi tal-pajjiż tant li konna taħt il-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Unjoni Ewropea.

Kien għalhekk importanti għall-amministrazzjoni l-ġdida Laburista li tagħti spinta lill-ekonomija biex din terġa’ tibda tikber, jikber il-ġid, jiżdied ix-xogħol u b’riżultat ta’ dan kollu, tejjibna l-ħajja tan-nies, l-aktar ta’ dawk vulnerabbli b’żidiet qawwija, sena wara sena, fil-pensjonijiet.

L-amministrazzjoni Laburista kellha wkoll mumenti ta’ maltemp u sfidi. Fil-pandemija li faqqgħet fl-2020 rajna kif lin-nies inkomplu ngħinuhom billi tajna sostenn biex ħadd ma jitlef l-impjieg tiegħu u biex in-negozji setgħu jibqgħu għaddejjin. Rajna li min iħaddem ikun mgħejjun biex jibqa’ jżomm il-ħaddiema għaddejjin bix-xogħol tagħhom. Din hija differenza bażika f’kif imexxi l-Partit Nazzjonalista meta jkun fil-Gvern u kif mexxejna aħna. Il-maltemp lilna jsaħħaħna, iġegħlna naħdmu aktar biex nibqgħu mxejin ‘il quddiem u naħdmu biex nagħtu lil pajjiż soluzzjonijiet li jibqgħu imexxuh ‘il quddiem.

Issa ninsabu f’mument importanti ħafna fejn il-formula li tatna s-suċċess ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedenti irridu nkomplu nibnu fuqha biex nindirizzaw l-istess realtajiet ġodda li ġab miegħu dan it-tkabbir ekonomiku. Irridu nagħmlu dan għaliex għalina l-aktar ħaġa importanti hija li kontinwament nħossu l-polz tan-nies biex nisimghu u nifhmu x’iridu n-nies u x’inhuma l-aspirazzjoijiet tagħhom. Jekk ma nagħmlux dan inkunu qed nonqsu lejn in-nies.

Il-messaġġ li kontinwament qed iwassal il-Prim Ministru Robert Abela huwa dak biex inkomplu nibnu fuq is-suċċess ekonomiku, nkomplu nsaħħu lil pajjiżna, inkomplu noħolqu x-xogħol. Illum nafu li għandna għadd rekord ta’ nies jaħdmu fil-pajjiż. Issa rridu naraw li aktar milli naraw in-numri jikbru, aktar irridu kwalità ogħla, dak li l-Ingliżi jgħidu, “not a question of doing more but doing better”.

Din l-isfida qed jindirizzawha fil-qasam tal-kostruzzjoni. Smajna x’qed jgħidu n-nies li jridu kwalità aħjar f’dan il-qasam. Is-settur irid jgħolli l-kwalità ta’ kif jaħdem. Il-mod kif nippjanaw l-affarijiet irridu ntejbuh u jekk se nagħmlu tibdil, irid ikun wieħed li jirrispetta iżjed il-kwalita tal-ħajja tan-nies. Bir-regolamentazzjoni li qed nintroduċu sejrin fid-direzzjoni illi jekk xi ħadd se jagħmel proġett ta’ kostruzzjoni ħdejn id-dar tiegħek, dan irid jagħmlu b’mod responsabbli li jirrispetta lill-ġirien.

Jekk inkomplu npoġġu lin-nies fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħna, b’kuraġġ, determinazzjoni, onesta u djalogu miftuħ, nisimgħu u nifhmu lin-nies, inkunu nistgħu nsibu s-soluzzjonijiet biex nagħmlu t-tibdil kollu meħtieġ. Tibdil b’mod strutturat u effettiv ħalli pajjiżna jkompli jkollu tkabbir ekonomiku sostenibbli li jilħaq il-miri ta’ kwalità ogħla u aħjar fuq kollox għan-nies.

Sport