Saturday, December 21, 2024

PUCCINI – 100 SENA MILL-MEWT TIEGĦU (1924-2024)

Intervista ma’ Mro Joseph Debrincat

Aqra wkoll

Jikteb Peter Paul Ciantar

Din is-sena 2024, id-dinja operistika qed tagħti tislima speċjali lill-kompożitur tal-opra Giacomo Puccini. Jiena dejjem inqis lil dan il-kompożitur Taljan bħala s-suċċessur denju tal- kompożitur kbir Giuseppe Verdi. Miet Verdi u kompla Puccini.

Jiena llum ser nitkellem f’intervista bil-miktub ma’ persuna li għamlet it-teżi universitarja tagħha bl-isem ‘Turandot: Heir-Rival to a Great Tradition’. Beda l-karriera tiegħu bħala direttur tal-orkestra b’opra ta’ Puccini, ‘Le Villi’. Semma d-dar tiegħu għal Puccini; it-tifel tiegħu jismu Giacomo, isem Puccini; u kemm-il darba jmur Lucca, l-Italja, il-post fejn twieled Puccini u saħansitra ltaqa’ ma’ familjari tiegħu.

Ħbieb, qed nirreferi għal Mro Joseph Debrincat, Għawdxi, direttur tal-orkestra. Direttur artistiku u mużikali tal-‘Fondazzjoni Classique’, u maestro di cappella tal-Katidral ta’ Għawdex u tal-Parroċċa ta’ Sannat. Jiena nqisu bħal kalamita għal Puccini u l-mużika.

Peter — Joseph, kif daħal fik dan l-interess għal Puccini u l-mużika tiegħu?

Joseph — Bħala mużiċist għandi ħafna għal qalbi l-mużika tal-perijodu romantiku u post-romantiku – mużika ta’ kompożituri bħal Brahms, Tchaikovsky, Mahler u oħrajn. Issa fejn tidħol l-opra għandi ġibda speċjali lejn l-opra Taljana, partikolarment lejn l-opri ta’ Giacomo Puccini.

Wieħed jista’ jistaqsini: għalfejn Puccini u mhux Verdi? Naturalment, wieħed irid jammetti li, li kieku ma kienx Verdi, abbli ma kienx ikun hemm Puccini. Bħalma kieku ma kienx hemm Bellini, Donizetti u Rossini, probabilment ma kienx ikun hemm Verdi. Din hija xi ħaġa loġika.

Filwaqt li nirrikonoxxi l-kobor tal-kompożituri l-oħra li għadni kif għamilt referenza għalihom, Puccini għandu dik ix-xi ħaġa li personalment tiġbidni iżjed.

Apparti l-kobor melodiku li wiret mill-kompożituri Taljani ta’ qablu, Puccini kien dak il-kompożitur Taljan li kellu l-kuraġġ li jdaħħal elementi sinfoniċi fl-opra Taljana – xi ħaġa li Wagner fil-Ġermanja kien ilu snin li għamilha.

Fil-fatt, Puccini kellu ammirazzjoni kbira lejn Wagner u saħansitra, Ricordi (l-editur tal-mużika), kien bagħtu Bayreuth biex isegwi iżjed mill-qrib l-opri tal-kompożitur Ġermaniż.

Ma ninsewx li fi żmien Puccini, fejn tidħol mużika, l-Italja kienet famuża biss għall-opra u xejn iżjed. Pajjiżi oħra ġrew fuq li ġrew u kitbu f’kull forma li wieħed jista’ jimmaġina. Puccini, filwaqt li kompla t-tradizzjoni operistika Taljana, ma waqafx hemm.

Puccini ma żviluppax biss fuq Verdi u l-kompożituri Taljani ta’ qablu, iżda kien iżomm ruħu aġġornat sew mal-mużika ta’ kompożituri kontemporanji bħal Debussy, Stravinsky u saħansitra anke Schoenberg. Ma ddejjaq xejn li jinkludi elementi moderni bħal politonalità, poliritmi, skali esotiċi, eterefonija, il-famużi kwinti paralleli, l-użu tal-pedal eċċ., eċċ. Dan kollu allura jagħmel lil Puccini ftit iżjed speċjali, almenu għalija personali.

Peter — Huwa fatt aċċettat li Puccini huwa kompożitur kbir tal-opra iżda kkompona aktar minn hekk, speċjalment fil-karriera bikrija tiegħu. Naturalment, isem Puccini jibqa’ mfakkar primarjament għall-opri li huwa kkompona – tnax b’ kollox

Joseph — Kif għedt tajjeb int, apparti opri, Puccini kkompona wkoll mużika oħra. Kiteb mużika vokali bħal: ‘Motetto per San Paolino’ (1877), kantata bl-isem ta’ ‘Cessato il suon dell’armi’ (1877), ‘Vexilla Regis’ (c. 1870), ‘Messa di Gloria’ (1880), ‘Salve Regina’ (1883), ‘Requiem’ (l-ewwel moviment biss – 1905), ‘Ecce sacerdos’ (1905), ‘Inno a Roma’ (1919), u diversi għanjiet klassiċi għal vuċi u pjanu/orgni; u anke mużika strumentali bħal ‘Preludio a Orchestra’ (1876), ‘Preludio Sinfonico’ (1882), ‘Adagetto’ (1881-1883), ‘Capriccio Sinfonico’ (1883), mużika għall-korda bħal fugi, scherzi (1882, 1883), kwartett (1881-1883), ‘Crisantemi’ (1890) u tliet minwetti (c. 1881).

Għall-pjanu kiteb ‘Piccolo Valzer’ (1894), ‘Marcia brillante – Scossa Elettrica’ (1899), ‘Piccolo tango, Foglio d’album’ (1907/1910) u ‘Pezzo per pianoforte’ (1916). Personalment, għandi l-unur ngħid li kont jiena li introduċejt r-‘Requiem’, iż-żewġ preludiji u anke l-‘Capriccio Sinfonco’ f’Malta; u dan f’kunċerti li organizzajt u dderiġejt mal-‘Orkestra Filarmonika ta’ Malta’, illum ‘Malta Philharmonic Orchestra’.

Peter — Puccini, il-kompożitur ta’ opri bħal ‘Madama Butterfly’, ‘Tosca’, ‘La Boheme’, ‘Manon Lescaut’, ‘La Fanciulla del West’ u l-aħħar waħda ‘Turandot’: iżda x’tgħidilna (fil-qosor) dwar opri oħra tiegħu li ċertament m’għandhomx dik il-popolarità daqs dawn l-opri li semmejt?

Joseph — L-opri li semmejt inti, forsi naqta’ barra ‘La Fanciulla del West’, huma fost l-opri li jsiru ta’ spiss madwar id-dinja kollha. Madankollu, diversi mużikologi u esperti tal-opra Taljana jqisu l-opra ‘La Fanciulla del West’ bħala waħda mill-akbar opri moderni li nkitbu f’dawk iż-żmenijiet. Oħrajn jqisu din l-opra bħala l-bidu tal-famużi musicals. Biżżejjed insemmi li l-Kompożitur Maurice Ravel, magħruf ħafna għall-orkestrazzjoni brillanti tiegħu, kien jgħid lill-istudenti tiegħu li jekk iridu jirnexxu f’dan il-qasam, tajjeb li jaraw sew il-partitura ta’ din l-opra Puccinjana.

‘La Fanciulla del West’ hija opra diffiċli ħafna mużikalment u titlob kast kbir mhux ħażin. Wieħed ikollu jammetti li din ma tantx tinkludi l-melodiji li wieħed is-soltu jassoċja ma’ Puccini u probabilment din hija r-raġuni għaliex ma għandhiex popolarità daqs l-opri Puccinjani l-oħra. Żgur però li dan ma jfissirx li mhix opra kbira. L-armonija, l-orkestrazzjoni u anke d-drammatiċità li fiha huma xi ħaġa kbira. Opri oħra bħal ‘Il Tabarro’, ‘Suor Angelica’ u ‘Gianni Schicchi’ li jiffurmaw ‘Il Trittico’ u ‘La Rondine’ huma opri sbieħ ħafna ukoll. ‘Le Villi’, li hi l-ewwel opra ta’ Puccini, ukoll fiha l-faxxinu tagħha għalkemm wieħed irid jammetti li Puccini kien għadu qed jesperimenta. Din l-opra kont jien ukoll li introduċejtha f’ Malta f’verżjoni kunċertistika fl-2002.

Forsi opra ta’ Puccini li ma rnexxietx kienet proprju t-tieni opra, ‘Edgar’. Diversi mużikologi jsostnu li t-tort ta’ dan kien il-librett. Fil-fatt, minn hemm ‘il quddiem Puccini dejjem qagħad attent ħafna għal-librett u anke min huma l-librettisti.

Peter — Bħalma ktibt fil-bidu, kemm-il darba mort Lucca, l-Italja, fejn twieled Puccini u anke ltqajt ma’ xi qraba tiegħu. X’tgħidilna?

Joseph — Hekk hu. Sa issa mort erba’ darbiet u iva, kelli x-xorti li niltaqa’ man-neputija tal-kompożitur, Simonetta Puccini, illum mejta. Mhux biss kelli x-xorti niltaqa’ magħha darbtejn ġewwa l-villa/mużew ta’ Torre del Lago u anke fl-appartament privat tagħha ta’ Milan, talli kelli l-unur li nistedinha hawn Għawdex sabiex tkun preżenti għall-ewwel esekuzzjoni tal-opra ‘Le Villi’ ġewwa l-gżejjer Maltin. Dakinhar kont ippreżentajtilha mappa tal-gżejjer Maltin maħduma fil-bizzilla.

Meta rġajt żort Torre del Lago fil-150 anniversarju mit-twelid ta’ Puccini (2008), Simonetta daħħlitni fl-uffiċċju tagħha u hemm rajt din il-bizzilla mdendla f’post prominenti. F’din l-okkażjoni staqsietni għat-tifel tiegħi li kien għadu kemm twieled xi ftit xhur qabel u kienet kuntenta ħafna li semmejtu għal nannuha.

Naturalment, meta mmur Lucca nżur dejjem id-dar fejn twieled il-kompożiur u li fiha hemm il-pjanu li fuqu nkitbet l-opra ‘Turandot’, u mmur ukoll il-Bażilika ta’ San Paolino. Però ma jonqosx ukoll li nżur postijiet oħra sinonimi ma’ Puccini bħal, pereżempju, il-villa ta’ Puccini f’Torre del Lago, tletin minuta bogħod minn Lucca fejn hu midfun u fejn illum, ta’ kull sena, isir festival iddedikat lilu. Inżur ukoll id-dar tal-antenati ta’ Puccini li tinsab f’Celle dei Puccini, ukoll xi tletin minuta bogħod minn Lucca, u l-aħħar villa tiegħu ġewwa Viareggio (fejn kiteb l-opra ‘Turandot’) u diversi postijiet oħra.

Insomma, iddur fejn iddur ġewwa Lucca u l-inħawi dejjem tħoss arja Puccinjana – almenu jiena hekk inħoss. Issa jekk Alla jrid din is-sena nerġa’ mmur fl-okkażjoni tal-100 anniversarju mill-mewt tiegħu.

Peter — Joseph, fl-artiklu tax-xahar l-ieħor semmejt li Puccini kien ġie Malta. Naħseb li ftit Maltin jafu b’dan. X’taf tgħidilna fuq dan?

Joseph — Hekk hu Peter. Mid-dehra dan l-episodju ma tantx hu magħruf, kemm mal-Maltin u jkolli ngħid anke mal-barranin.

Kien fir-rebbiegħa tal-1894 meta Puccini żar Sqallija sabiex jiltaqa’ ma’ Giovanni Verga u miegħu jiddiskuti n-novella ‘La Lupa’ u anke sabiex jassorbixxi l-atmosfera Siċiljana. Dan qed ngħidu ftit qabel iddeċieda li jikkomponi ‘La Boheme’.

Kif kien Sqallija Puccini ħa l-opportunità sabiex iżur Malta. Mhux talli żar Malta talli spiċċa ftit ħażin għax ġie arrestat temporanjament mill-Awtoritajiet Ingliżi fuq suspett li kien spija Taljan.

Dan l-espisodju huwa msemmi fil-ktieb ‘The Complete Operas of Puccini – A Critical Guide’ ta’ Charles Osborne. Barra minn hekk, hu dokumentat li Puccini minn Malta bagħat kartolina lill-ħabib tiegħu Guido Vandini, bit-timbru postali datat 1 ta’ Lulju, 1894.

Peter — Puccini miet żgħir, kellu biss 66 sena … is-sigaretti u s-sigari kkawżawlu kanċer fi griżmejh … kien ‘chain smoker’. Issa inti (li għamilt studju kbir dwar Puccini u l-aħħar opra tiegħu ‘Turandot’) x’ taħseb? (Din hija mistoqsija superfiċjali.) Li kieku Puccini baqa’ ħaj, kien għad fadallu x’joffri lid-dinja operistika? Mistoqsija ftit diffiċli din!

Joseph — Nafu żgur li sa mill-bidu tal-karriera tiegħu, Puccini ma segwiex mija fil-mija t-tradizzjoni operistika Taljana u kien iħobb jesperimenta ħafna. Fil-fatt, Verdi kien innota li Puccini juża elementi sinfoniċi (elementi Ġermaniżi) għalkemm xorta jagħmel użu minn melodija li tpaxxi l-widna (xi ħaġa li la hi Taljana u lanqas Ġermaniża, iżda xi ħaġa universali).

Puccini kien il-kompożitur li kellu l-kuraġġ li fl-opra Taljana jinkludi elementi moderni, elementi li semmejt aktar kmieni. Nafu li fl-aħħar ta’ ħajtu beda wkoll isegwi l-mużika ta’ Schoenberg, għalkemm mhux neċessarjament kienet togħġbu iżda żgur li kien jara fiha ċerti elementi interessanti.

Nista’ ngħid bla tlaqliq li f’kull opra tiegħu, Puccini dejjem kien iżid id-doża ta’ esperimentazzjoni.

Fl-opinjoni tiegħi, l-akbar esperimenti Puccini għamilhom f’opri bħal ‘La Fanciulla del West’ u fl-aħħar opra ‘Turandot’ li fiha, bla tlaqliq ta’ xejn ngħid li Puccini laħaq l-apiċe. U fid-dwett finali tal-aħħar opra li ma laħaqx lesta, Puccini kien ġa indika li kien qed jaħseb fuq final oriġinali u modern għall-aħħar. L-iskizzi kollha jindikaw dan u kemm-il darba kien jagħmel referenza għall-opra ‘Tristan und Isolde’ ta’ Wagner billi kien jikteb ‘e poi Tristano’. Dan id-dwett imbagħad tkompla minn Franco Alfano (jeżistu żewġ verżjonijet – it-tieni waħda hi l-aktar popolari) u fl-2002 Luciano Berio għamel final ġdid li fl-opinjoni tiegħi hu interessanti kemm tridu però narah ftit iżjed modern milli wieħed jistenna minn Puccini.

Ovvjament, din id-dilemma ma jista’ jsolviha ħadd għax ħadd ma jaf x’kellu f’moħħu Puccini. Dan kollu juri li sa mill-bidu tal-karriera tiegħu, Puccini kien bniedem li jħobb jesperimenta u jesperimenta bil-kbir. Apparti l-elementi sinfoniċi, min jista’ ma jsemmix, pereżempju, l-aħħar akkordju mhux mistenni tal-opra ‘Madama Butterfly’? Min jista’ ma josservax il-modernità ta’ Puccini fejn tidħol orkestrazzjoni? Pereżempju, fl-opra ‘Tosca’, minflok juża t-tnabar, f’mument minnhom Puccini juża l-vjolinċelli divisi li joħolqu effett inkredibbli ta’ tnabar. Jew in-naħqa tal-ħmar f’‘La Fanciulla del West’ u ‘Suor Angelica’.

Anke l-użu estensiv tal-istrumenti tal-perkussjoni juru li Puccini kien kompożitur avventuruż u li jimxi maż-żmenijiet aktar milli jsegwi lil ta’ qablu.

U allura għall-mistoqsija tiegħek, jien nemmen li iva, Puccini kien għad fadallu ħafna u ħafna x’joffri. U dan ngħidu b’konvinzjoni għax kif spjegajt aktar kmieni, Puccini dejjem baqa’ jiżviluppa u baqa’ jżomm ruħu aġġornat mal-mużika ta’ kompożituri tal-iskola moderna.

Għandi kurżità kbira jekk Puccini kienx għad iwassal l-opra Taljana għad-dodekafonija, pereżempju. Sfortunatament żgur li ser nibqa’ bla tweġiba!

Peter — Joseph, għandek xi ħsieb li din is-sena fl-okażjoni tal-100 sena mill-mewt ta’ dan il-kompożitur kbir, tippreżentalna xi kunċert kbir bħalma kont tellajt fis-sena 2008 fl-okżjoni tal-150 sena’ mit-twelid?

Joseph – Iva Peter, ma jistax jonqos li kif għamilt fis-sena 2001 bil-kunċert Verdi In Concerto u fl-2008 bil-Puccini 150 – Anniversary Concert, flimkien mall-Fondazzjoni Classique li tagħha jien id-direttur artistiku u mużikali din is-sena ser ntellgħu serje ta’ avvenimenti biex infakkru dan l-anniversarju. Dawn l-avventimenti jinkldu taħditiet minn mużikologi internazzjonali, esebizzjoni, workshop għal-istudenti u naturalment ma’ jonqos kunċert operistiku kbir bis-sehem ta’ kantanti ta’ fama internazzjonali u l-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni tiegħi. Dan il-kuċert ser isir nhar is-Sibt 16 ta’ Novemebru 2024 ġewwa t-Teatru Astra, Victoria, Għawdex. Booking ser jiftaħ dalwaqt.

Peter — Grazzi ħafna Mro Joseph Debrincat … jalla din is-sena, fl-okkażjoni tal-100 sena mill-mewt tal-Kompożitur Giacomo Puccini, id-dinja operistika tippreżenta kalendarju aktar wiesa’ ta’ mużika ta’ dan il-kompożitur li għamel ġieħ kbir lill-Italja u lid-dinja operistika.

Ekonomija

Sport