Saturday, May 4, 2024

Pulizija deskritti bħala “anġli bl-uniformi” wara li għenu persuna involuta f’inċident bil-mutur

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ġest li għamlu fl-aħħar jiem żewġ Pulizija tal-komunità, WPC2001 u WPC2028, u Surġenta tal-Pulizija ġie mfaħħar minn persuna li kellha bżonn l-għajnuna wara inċident bil-mutur.

Permezz ta’ messaġġ li ttella’ fuq il-midja soċjali, il-persuna involuta fl-inċident qalet li grazzi għal dawk li għamlu miegħu ż-żewġ uffiċjali mhux biżżejjed. Huwa qal li l-uffiċjali tal-Pulizija kienu professjonali f’xogħlhom, aġixxew fil-pront u żammewh kalm bi kliemhom.

Mhux talli hekk, talli huma raw li jżommuh konxju l-ħin kollu u baqgħu miegħu sal-aħħar. Iżda l-uffiċjali tal-Pulizija ma waqfux hemm talli jumejn wara din il-persuna qalet li saħansitra rċeviet telefonata mingħand waħda mill-uffiċjali fejn staqsietu kif baqa’ u jekk hux kollox sew.

Fil-messaġġ, il-persuna involuta qalet li ma tistax ma ssemmix ukoll lis-Surġenta PS2334. “Ġiet tarani u tkellimni l-Polyclinic. Offrietli li nitkellmu f’mument ieħor meta nkun aħjar. Kelmitni b’mod kalm, mingħajr ma tpoġġini f’diffikultà. Kellmet lill-mara biex tikkalmaha wkoll, u meta ċempiltilha wara bħala follow up kienet eżemplari.”

Il-messaġġ żied jgħid: “Jalla l-Korp tal-Pulizija jkollu ħafna aktar uffiċjali ta’ dan il-profil ta’ dawn it-tlieta li ppermettuli nsejħilhom anġli bl-uniformi.”

Sport