Wara tmiem il-ġimgħa ta’ tensjoni u kaos, wieħed jibda jifhem għaliex is-simbolu nazzjonali tar-Russja huwa l-ajkla b’żewġt irjus; żewġt irjus iħarsu f’direzzjonijiet opposti.
L-ewwel, Yevgeny Prigozhin, Mexxej tal-Grupp Merċenarju Wagner, jiddikjara li lest li jimxi t-triq kollha fir-ribelljoni tiegħu kontra l-militar Russu. Imbagħad wara ftit jagħmel U-turn f’daqqa u jordna lis-suldati tiegħu jmorru lura fil-bażi.
Min-naħa tiegħu, f’indirizz televiżiv lin-nazzjon, il-President Vladimir Putin iddikjara r-ribelljoni bħala avventura kriminali, reat gravi, tradiment, rikatt u terroriżmu, iżda ftit sigħat biss wara, bħala parti minn ftehim ma’ Prigozhin, ġie żvelat li l-akkużi kriminali kollha kontra l-Mexxej tal-Wagner tneħħew.
Il-messaġġi mħallta tal-Mexxej tal-Kremlin qed iqajmu kontradizzjonijiet u jbiddlu l-perċezzjonijiet tal-President Putin. Żgur li Putin qed jidher aktar dgħajjef, jgħid Konstantin Remchukov, sid u editur eżekuttiv ta’ Nezavisimaya Gazeta. Dan sostna li ma tistax tagħmel dikjarazzjoni pubblika, li fiha tiddikjara n-nies huma kriminali, u mbagħad fl-istess jum tgħid li dawk in-nies ma kisrux il-kodiċi kriminali.
L-Eks Ministru tar-Russja għall-Iżvilupp Ekonomiku, Andrei Nechaev, jagħmel punt simili. F’post fuq il-midja soċjali, Nechaev jargumenta: “Il-liġi tilfet kull setgħa u kull sens. Anke reati gravi mhux se jiġu kkastigati minħabba espedjenza politika. Filgħodu, xi ħadd jista’ jiġi ddikjarat traditur. Filgħaxija mbagħad, tista’ tkun maħfura u l-kawża kriminali kontra dak li filgħodu kien dikjarat traditur”.
Dan kollu juri ċar li r-Russja qiegħda fuq l-għatba ta’ bidla kbira.