Il-President Russu Vladimir Putin ordna l-mobilizzazzjoni tal-armata Russa – l-ewwel darba li ġrat mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Apparti hekk huwa appoġġja l-pjan li territorju Ukren jingħaqad mar-Russja, kif ukoll wissa lill-Punent li hu ma kienx qiegħed jigdeb meta qal li lest li juża l-armi nukleari biex jiddefendi lil pajjiżu.
Din hija l-ikbar eskalazzjoni tal-gwerra ġewwa l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar ’il hawn, u bil-kummenti li għadda Putin żdied sew it-tħassib dwar kunflitt nukleari. Fid-diskors tiegħu Putin ħabbar pjan li r-Russja se tieħu taħt idejha ammont kbir ta’ art Ukrena – daqs l-Ungerija kollha – kif ukoll sejjaħ 300,000 suldat mir-riserva. Putin qal li sejjaħ lil dawn ir-riservi minħabba li s-suldati tiegħu qegħdin “jiffaċċjaw l-isforz kollettiv tal-Punent” li qed jipprovdu lil Kiev b’armi, taħriġ u informazzjoni. B’kollox ir-Russja għadna armata ta’ 25 miljun suldat
Putin ħabbar dan f’diskors lejn in-nazzjon fuq it-televiżjoni u fih qall li, “jekk l-integrità territorjali tagħna tkun mhedda aħna bla dubju ta’ xejn se nużaw il-mezzi kollha tagħna biex nipproteġu lir-Russja u l-poplu tagħna – dan mhux bluff.”
Putin semma wkoll l-espansjoni tan-NATO lejn il-Lvant u dwar dan hu qal li l-Punent qiegħed jipprova jkisser lil pajjiżu filwaqt li allega li l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropa u r-Renju Unit qed iħeġġu lill-Ukrajna biex tavvanza l-operazzjoni militari tagħha ġewwa r-Russja nnifisha.
Analisti tar-relazzjonijiet internazzjonali qalu li dan id-diskors ta’ Putin huwa differenti mir-retorka li juża s-soltu ta’ “operazzjoni militari speċjali” ġewwa l-Ukrajna u dan tajjeb li jiġi analizzat fid-dawl tad-disfatti li r-Russja sofriet f’dawn l-aħħar jiem ġewwa l-Ukrajna.
Dawn l-analisti qed jargumentaw li l-mexxej Russu issa qiegħed ipenġi din il-gwerra bħala waħda bejn in-NATO u r-Russja fejn Putin ta x’jifhem li din qed tqarreb lid-dinja lejn it-Tielet Gwerra Dinjija. Skonthom Putin qed nagħmel dan biex iġiegħel lill-pajjiżi tal-Punent joqogħdu pass lura f’dak li jagħmlu ġewwa l-Ukrajna, iżda s’issa dan jidher li mhux qed iseħħ.
Il-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna ħalliet għexieren ta’ eluf ta’ persuni mejtin, kif ukoll wasslet għal problemi ekonomiċi kbar madwar id-dinja kollha. Dan ukoll żied it-tħassib ta’ gwerra nukleari għall-ogħla livelli mill-1962 ’il hawn, sewwasew mill-Kriżi tal-Missili ta’ Kuba.