Wednesday, April 24, 2024

“Putin se jfalli, l-Ukrajna u l-Ewropa se jmorru minn fuq u se jerbħu”

Il-President tal-KE Ursula von der Leyen tgħid li s-sanzjonijiet kontra r-Russja se jibqgħu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-indirizz annwali tagħha tal-Istat tal-Unjoni fi Strasburgu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen għamlitha ċara li s-sanzjonijiet kontra r-Russja se jibqgħu. 

“Huwa l-Kremlin li wassalhom għal din is-sitwazzjoni. Dan huwa l-prezz li se jkollha tħallas ir-Russja minħabba din il-qerda li qed iwettaq Putin. Issa mhux iż-żmien li nibqgħu nintgħoġbu. Huwa ż-żmien li nkomplu b’determinazzjoni,” qalet von der Leyen. 

“L-istess fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju li qed nagħtu lill-Ukrajna. Sa issa tajna aktar minn €19-il biljun f’sistemi finanzjarji eskluż l-appoġġ militari. Dan se nkomplu nagħmluh,” tenniet il-President tal-KE. 

Hija qalet li r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna teħtieġ riżorsi kbar. L-attakki tar-Russja qerdu aktar minn 70 skola. “Immaġina tibgħat lit-tifel jew lit-tifla l-iskola u ma tafx intix se tarahom waranofsinhar. Se naħdmu biex nerġgħu nibnu dawn l-iskejjel Ukreni. €100 miljun biex ngħinu lill-Ukrajna u biex nerġgħu niftħu dawn l-iskejjel.”

“L-Ewropej ma qagħdux lura u sabu l-kuraġġ biex jagħmlu dak li kien hemm bżonn”

Il-President tal-KE qalet li qatt qabel dan il-Parlament ma ddiskuta l-Istat tal-Unjoni fi żmien ta’ gwerra fl-art Ewropea. Qalet li lkoll niftakru dik l-għodwa lejn l-aħħar ta’ Frar fejn l-Ewropej qamu u ma setgħux jemmnu x’qed jaraw quddiemhom. Ixxukkjati minħabba l-brutalità tal-gwerra. 

“Minn dak il-mument ‘il quddiem, kontinent sħiħ wera solidarjetà. Kellna r-refuġjati li waslu fil-fruntieri tagħna, tellajna l-bnadar Ukreni. L-Ewropej ma qagħdux lura u sabu l-kuraġġ biex jagħmlu dak li kien hemm bżonn.

“Sa 15-il sena ilu fi żmien il-kriżi finanzjarja domna snin biex insibu soluzzjonijiet dejjiema. 10 snin wara meta kellna pandemija fi ftit ġimgħat ħriġna b’soluzzjoni. Iżda din is-sena ladarba r-Russja qasmu l-fruntieri lejn l-Ukrajna, ir-rispons tagħna kien magħqud, determinat u mmedjat. Naħseb li għandna nkunu kburin b’dan.” 

“Erġajna tajna mbuttatura lis-setgħa Ewropea u dan neħtiġuh għax iż-żmien quddiema mhux faċli. Familji qed ibatu biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja… negozji qed isibu deċiżjonijiet diffiċli għall-futur tagħhom.

“Aħna qed niġu ttestjati minn dawk li qed jippruvaw jisfruttaw kull forma ta’ firda li jista’ jkun hemm bejnietna. Din mhix gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna imma hi gwerra fuq l-enerġija tagħna, l-ekonomija, il-valuri tagħna, fuq il-futur tagħma. Din hi kwistjoni ta’ awtokrazija kontra d-demokrazija.”

von der Leyen esprimiet il-konvinzjoni tagħha li bil-kuraġġ u bis-solidarjetà meħtieġa Vladimir Putin se jfalli u l-Ukrajna u l-Ewropa se jmorru minn fuq u se jerbħu. “Illum, il-kuraġġ għandu isem u dak l-isem huwa l-Ukrajna. Il-kuraġġ għandu wiċċ u dak il-wiċċ huwa l-wiċċ tan-nisa u rġiel Ukreni li qed jieqfu għall-aggressjoni tar-Russja.”

Hija qalet ukoll li tiftakar meta fl-ewwel ġimgħat tal-gwerra Olena Zelenska (mart il-President Ukren Volodymyr Zelensky) ġabret lit-tfal li l-ġenituri tagħhom inqatlu minħabba din il-gwerra. 

“Rajnieha tmexxi grupp ta’ ġenituri li tilfu lil uliedhom. Dawn il-vittmi se jibqgħu jgħixu fil-memorji tagħna. Zelenska, kellkom bżonn ta’ ħafna kuraġġ biex tirreżistu l-krudeltà ta’ Putin imma sibtuh dak il-kuraġġ u issa għandkom nazzjon ta’ eroj.

“L-Ukrajna hi b’saħħitha għax pajjiż sħiħ iġġieled triq triq, dar dar, u qed naraw dan l-aħħar ġranet li l-kuraġġ tagħkom qed iwassal għar-riżultati. Intom tajtu kuraġġ lin-nazzjon sħiħ. Tajtu vuċi lill-poplu tagħkom fuq livell globali.”

“Irridu nkomplu naħdmu biex inbaxxu l-prezzijiet tal-gass”

Il-Presidenti tal-KE qalet ukoll li qed jitressqu miżuri sabiex l-istati membri jnaqqsu l-konsum tal-elettriku tagħhom. Qalet ukoll li rridu niddiversifikaw is-sorsi tagħna lil hinn mir-Russja u nħarsu lejn l-Istati Uniti, in-Norveġja u anke l-Alġerija. 

Tenniet li mhux sew li jkollok profitti rekord, tinbbenefika minn gwerra u minn fuq dahar il-konsumaturi tagħna. F’dawn iż-żminijiet il-profitti jridu jinqasmu u jingħataw lil dawk li l-aktar jeħtiġuhom. 

“Għalhekk il-proposta tagħna se twassal għal 140 biljun ewro sabiex l-istati membri jibbenefikaw minnhom. Dawn huma miżuri ta’ emerġenza u temporanji li qed naħdmu fuqhom inkluż diskussjoni tagħna fuq limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-gass.

“Irridu nkomplu naħdmu biex inbaxxu l-prezzijiet tal-gass. Fuq naħa jkollna sigurtà tal-provvista u fuq l-oħra jkollna kompettitività globali. Flimkien mal-istati membri se niżviluppaw sett ta’ miżuri biex nikkusidraw in-natura speċifika tar-relazzjoni tagħna mal-fornituri.” 

Hija qalet ukoll li se jitressaq pakkett ta’ għajnuna għan-negozji żgħar u medji (SMEs). Dan jinkludi proposti għal regoli għal taxxa fl-Ewropa jisimha BFit. “Issa l-waqt li nirrevedu l-Late Payment Directive għax mhux sew li wieħed minn erba’ fallimenti jew insolvenzi huwa minħabba rċevuti li ma jitħallsux fil-ħin.” 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea semmiet ukoll l-idroġenu u qalet li dan jista’ jkun strumentali tant li sal-2030 il-mira hi li l-UE tipproduċi 10 miljun tunnellata. Sostniet li dan jeħtieġ suq għalih u ħabbret li se jinħoloq il-European Hydrogen Bank li se jgħin fix-xiri tal-idroġenu u jinvesti €3 biljun biex jinbena suq. 

“Irridu naraw li s-sena 2023 tkun is-sena Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ”

Tenniet ukoll li rridu ninvestu aktar f’edukazzjoni terzjarja u anke lil hinn minn hekk. Irridu nimlew il-postijiet tax-xogħol billi naraw eżattament x’hemm bżonn bħala ħiliet. Irridu naraw li s-sena 2023 tkun is-sena Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Dik hi l-prijorità. Dan hu pass ‘il quddiem.”

Fl-istess waqt, hija enfasizzat fuq il-bżonn li jkun hemm proposti biex ikun imtejjeb l-appoġġ għal dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. 

Kompliet tgħid li: “l-istituzzjonijiet demokratiċi jridu ta’ kuljum jirbħu l-fiduċja taċ-ċittadini kif għamlu l-Ewropej meta miljuni ta’ Ukreni ġew iħabbtulhom mal-bieb. Dak li rajna kienet verament l-Ewropa fl-aqwa tagħha, Ewropa determinata, Ewropa ta’ solidarjetà.”

“Irridu sistema li tkun effiċjenti u għandna bżonn ta’ mekkaniżmu vinkolanti li juri solidarjetà, fl-istess ħin għandna bżonn ta’ kontrolli effettivi fuq il-fruntieri esterni tagħna skont ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

“Irrid Ewropa li tiġġestixxi immigrazzjoni bid-dinjità u r-rispett. Irrid Ewropa fejn l-Istati Membri kollha jieħdu repsonsabbiltà dwar l-isfidi komuni li niffaċċjaw. Irrid Ewropa li turi solidarjetà lejn l-istati membri kollha,” saħqet von der Leyen. 

Finalment hija qalet li temmen li wasal il-mument li nnaqqxu s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tagħna. “Wasal il-mument li nġeddu l-wegħda Ewropea u anke ntejbu l-mod kif nagħmlu l-affarijiet u kif nieħdu deċiżjonijiet. Irridu nkunu serji dwar ir-riformi. Wasal iż-żmien li jkollna Konvenzjoni Ewropea.” 

Sport