Sunday, November 24, 2024

Putin sejjer jinvadi l-Ukrajna?

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni fuq il-fruntiera ta’ bejn ir-Russja u l-Ukrajna qiegħda kull ma tmur tiggrava. Putin għadu kemm bagħat madwar sebgħin elf suldat fil-fruntiera lesti sabiex jinvadu lill-Ukrajna. Dan wara li skond Putin, l-Ukrajna qiegħda tinnegozja man- NATO sabiex jew issir membru tiegħu jew inkella toffrilu bażi għall-missili fit- territorju tagħha. Minkejja din ir-retorika mill-mexxej Russu, l-kilba li għandha r- Russja sabiex tieħu taħt idejha lill-Ukrajna ilha s-snin teżisti u għandha bħala l-bażi tagħha għeruq kulturali u reliġjużi, li flimkien jiffurmaw l-identità Russa.

Putin inaqqar lill-Ukrajna

Din mhix l-ewwel darba li Putin qiegħed jipprova jnaqqar partijiet minn dan il-pajjiż ġar tar-Russja li fi żmien l-Unjoni Sovjetika kien l-akbar pajjiż fl-Unjoni wara appuntu r-Russja. Dan wara li lura fl-2014, l-President Russu diga’ kien ħa taħt idejh b’mod dirett territorju Ukren magħruf bħala l-Krimea kif ukoll b’mod indirett żona fil-lvant tal-Ukrajna magħrufa bħala d-Donbas. Dawn iż-żewġ żoni minn dejjem kellhom il- maġġoranza tal-popolazzjoni tagħhom magħmula minn nies ta’ nisel Russu.

Is-separazzjoni tar-Repubbliki Sovjetiċi

Meta fil-bidu tas-snin disgħin beda x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika, l-mexxejja tal- Kremlin, li minn dejjem kien iddominat mir-Russi, ftit sabuha diffiċli li jħallu lill- pajjiżi mill-kosta tal-Baltiku li kienu l-Litwanja, l-Latvija u l-Estonja milli jitilqu mill- Unjoni. L-istess jista’ jingħad għall-pajjii fl-Unjoni mir-reġjuni tal-Kawkasu u mill-Asja Ċentrali meta dawn għażlu li jinħallu mir-rabta Sovjetika. Għall-Kremlin dawn il- pajjiżi ma kienu xejn għajr kolonji. 

Mhux l-istess jista’ jingħad rigward is-separazzjoni ta’ bejn ir-Russja, l-Ukrajna jew kif isejħulha r-Russi, l-pajjiż tar-Russi ż-Żgħar u l-Belorussja. Għalkemm fil-bidu tas-snin disgħin kien fl-interess ta’ dawn it-tlett pajjiżi li jinfirdu minn xulxin minħabba li kellhom bżonn muniti individwali sabiex jgħelbu l-kriżi finanzjarja li kienu għaddejjin minnha, żgur li fl-imħuħ tal-mexxejja ta’ dak iż-żmien kien hemm id-dilemma rigward jekk dawn it-tlett pajjiżi setgħux jgħixu flimkien bħala ġirien normali mingħajr l-ebda rabta politika.

Ir-rabta bejn it-tliet Russji

Għal ħafna Russi, teżisti rabta li ma tistax tinħall bejn ir-Russja, l-Ukrajna u l- Belorussja. Kif qegħdin juru ħafna ġrajjiet li qegħdin jiżviluppaw bħalissa, żgur li l- maġġoranza tal-poplu Ukren kif ukoll ta’ dak Belorussja ma jaħsbuwiex l-istess bħar- Russja fuq dan ir-rigward. 

Fi żmien l-Unjoni Sovjetika, ħafna kienu jaħsbu li r-Russi kienu jaraw is-separazzjoni ta’ dawn it-tlett pajjiżi bħala impossibbli minħabba li bejniethom kienu jaqsmu l-aktar industriji essenzjali tal-Unjoni Sovjetika, kif ukoll għax fil-każ tar-Russja u tal-Ukrajna, huma kellhom l-akbar ammont ta’ armamenti nukleari fit-territorji tagħhom.

Però, wara din il-konvinzjoni storika Russa hemm element li jmur ħafna aktar fil-fond minn dawn ir-raġunijiet li semmejna. Dan għandu l-bażi tiegħu fil-belt ta’ Kiev, il- kapitali tal-Ukrajna, minħabba li din il-belt antika kienet il-qofol ta’ konfiderazzjoni antika magħrufa bħala r-Kyivan Rus, li kienet tkopri l-artijiet li jinsabu bejn il-Baħar l- Abjad u l-Baħar l-Iswed. Din il-konfederazzjoni medjevali hija meqjusa bħala l-bażi tal- kulturi Russi u Belorussi kif ukoll bħala l-katalista wara l-firxa  tar-reliġjon Ortodossa. Huwa propja għalhekk li għar-Russi huwa essenzjali li l-belt ta’ Kiev tkun belt Russa u mhux il-belt kapitali ta’ pajjiż barrani.  Bażikament, fiha huma jaraw l-identità Ewropeja tagħhom.

Putin jirkeb fuq l-istorja

Putin ilu żmien jirkeb fuq il-karru tal-istorja tal-Kyivan Rus. Meta lura fl-2013, l- Ukrajna kienet waslet sabhiex tiffirma ftehim finanzjarju u politiku mal-Unjoni Ewropeja, Putin ra kif għamel u naffar dan il-ftehim u minfloku ġie iffirmat ftehim ieħor bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Sabiex ikkonvinċa jew aħjar ġiegħel lill-Ukrajna tirriġetta l-ftehim mal-Unjoni Ewropeja u minflok tagħżel tiegħu, Putin kien mar l- Ukrajna u ħa miegħu lill-Patrijarka Ortodoss Russu li huwa wkoll il-Patrijarka tal- Ukrajna. Dan għamlu bħala simbolu tal-għaqda reliġjuża u kulturali  ġejja mill-Kyivan Rus, li skond huwa teżisti bejn iż-żewġ popli. Matul dawn in-negozjati, l-mexxej Russu għamel diversi żjarat simboliċi f’postijiet storiċi relatati mal-istorja tal-Kyivan Rus u saħansitra, f’diskors li għamel, kien wiegħed li huwa sejjer ikun il-protettur tan- ‘nazzjon komuni tat-tlett popli Russi’.

Il-verità wara l-aggressjoni ta’ Putin 

Fil-verità, din l-istorja tal-inseparabilità ta’ dawn it-tlett pajjiżi kif ukoll l-argument rigward ir-relazzjonijiet tal-Ukrajna man-NATO huma biss paraventi għar-raġuni veru li hemm wara l-aggressività li qiegħed juri Vladimir Putin rigward l-Ukrajna. 

Putin huwa mwerwer li pajjiż ġar tiegħu bħall-Ukrajna jkompli miexi fit-triq tad- demokrazija. Dan minħabba li dan jaf iħajjar liċ-ċittadini Russi sabiex jitolbu aktar libertajiet li jafu jwasslu għall-waqgħa ta’ Putin mill-poter. Dan l-argument huwa msaħħaħ b’ dak li għamel Putin sabiex jassigura li Lukashenko, d-dittatur tal- Belorussja, jżomm postu fil-poter akkost ta’ kollox, wara ħafna protesti ġewwa pajjiżu.

X’jista’ jsir mill-komunità internazzjonali?

Naturalment, l-armata tal-Ukrajna m’għandiex il-mezzi sabhiex iżżomm lil dik Russa mill-tinvadi lill-Ukrajna. Għalhekk l-irwol tal-pajjiżi tal-punent huwa essenzjali sabiex jagħmluha diffiċli lil Putin milli jagħmel mill-Ukrajna stat pupazz tiegħu. Pajjiżi bħall- Ġermanja jistgħu jinħallu mill-ftehim preliminari li għamlet Merkel ma’ Putin rigward ix-xiri ta’ gass naturali mill-pajp tal-gass magħruf bħala n-Nordstream 2. Il-komunità internazzjonali tista’ wkoll tkeċċi lir-Russja mill-Iswift Payments li hija faċilità li jużaw ħafna pajjiżi sabiex isiru l-pagamenti kummerċjali. 

Skond Boris Yeltsin, il-predeċessur ta’ Putin li kien il-moħħ wara l-indipendenza tar- Russja wara li spiċċat l-Unjoni Sovjetika, it-triq ‘lquddiem għar-Russja kienet dik li ddaħħal il-kapitaliżmu li skond Yeltsin kellu jġib miegħu ħafna libertajiet għaċ- ċittadini Russi. Il-viżjoni ta’ Yeltsin kienet li r-Russja tabdika minn kull tip ta’ imperjaliżmu u tgħix bħala ġar tal-Ukrajna u l-Belorussja mingħajr l-ebda irbit politiku. Din il-ħolma ta’ Yeltsin setgħet tirnexxi li kieku fir-Russja ġiet introdotta d- demokrazija. Però, għalkemm Putin, li ħa post Yeltsin fis-sena 2000,  kien ukoll jemmen fil-kapitaliżmu, huwa minn dejjem kien favur li r-Russja għandha terġa’ ssir imperu. Kien għalhekk li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa Putin kienet li jerġa’ jagħmel l-innu tal-Unjoni Sovjetika bħala l-innu nazzjonali Russu. Dan għamlu sabiex ir-Russja tieħu post l-Unjoni Sovjetika bħala  ċ-ċentru tal-influwenza politika tar- reġjun.

Sport