Bashir Abdullah Mohammed, Somalu ta’ 25 sena ġie kundannat 18-il xahar ħabs wara li nhar it-Tlieta nstab ħati li sentejn ilu ħebb għal Ibrahim Ali Mohamed u weġġgħu gravi f’argument fil-Marsa.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li l-każ kien seħħ fit-8 ta’ Jannar tal-2022. Il-vittma kien ġie aggredit mill-akkużat waqt li kien bilqiegħda fi ġnien. Minn investigazzjoni li saret mill-Pulizija kien sar magħruf li l-argument kien dwar xi ħaġa li qabel kien hemm diġa argument bejnithom dwarha.
Il-vittma kien qal lill-pulizija li l-akkużat kien mar minn warajh, żammu u beda jsawtu. Qal li l-akkużat kien qallu li waqt il-ġlieda xi ħadd minnhom kellu jmut.
Dan l-każ kien seħħ waqt li l-akkużat kien fuq perjodu ta’ sentenza sospiża u għalhekk il-Maġistrat ordna biex tidħol fis-seħħ dik is-sentenza wkoll.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin favur il-vittma u ordnat lil Mohammed iħallas €570 fi spejjeż tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella.