Sunday, December 22, 2024

“Qabda rekord ta’ kokaina sa issa din is-sena mill-Pulizija”

Il-Ministru Byron Camilleri waqt il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Infurzar dwar id-Droga

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Filwaqt li faħħar l-isforzi kollha tal-Pulizija fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li sa issa din is-sena kien hemm qabda rekord fejn jidħol qabdiet ta’ kokaina mill-Korp tal-Pulizija. 

Huwa qal dan f’diskors li għamel waqt il-ftuħ ta’ laqgħa tal-Kapijiet tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Infurzar dwar id-Droga, li qiegħda ssir f’Malta, proprju f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta u mistennija tintemm nhar il-Ħamis li ġej.

Il-Ministru Camilleri qal li għalkemm it-taqbida kontra l-kriminali li jmexxu d-droga ma tintrebaħx billi wieħed jalloka l-fondi biss, fl-aħħar snin il-Pulizija investiet b’mod b’saħħtu fir-riżorsi li għandhom l-għan li jsaħħu u jgħinu l-Pulizija Maltija f’xogħolha kontra t-traffikar tad-droga. Qal li r-riżultat ta’ dan l-investiment jidher fil-qabdiet riċenti ta’ droga u persuni li jmexxuha.

Huwa tenna li Malta temmen bi sħiħ fil-koperazzjoni ta’ pajjiżi differenti fis-sistema tal-infurzar tal-liġi dwar id-droga. Fil-fatt appella sabiex l-awtoritajiet ta’ madwar id-dinja jkomplu jfittxu metodi differenti u effettivi f’din il-ġlieda, filwaqt li jsibu metodi oħra wkoll sabiex tonqos id-domanda għal sustanzi illeċiti.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg stqarr li l-fatt li l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drogi u l-Kriminalità għażel lil Malta sabiex issir l-14-il laqgħa tal-Kapijiet tal-Aġenziji tkompli turi l-impenn li għandu pajjiżna sabiex ikompli jiġġieled il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.

Huwa sostna li Malta temmen f’approċċ multilaterali sabiex ikunu indirizzati sfidi internazzjonali, speċjalment fejn tidħol il-kriminalità organizzata. “L-ebda pajjiż ma jista’ jiġġieled din il-ġlieda waħdu, anzi nemmnu li hemm bżonn li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-aġenziji li għandna f’pajjiżi differenti.” 

Il-Ministru Borg kompla jgħid li anke permezz tas-siġġu li Malta kisbet fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, pajjiżna se jkun qed ikompli jmexxi ‘l quddiem l-aġenda ta’ aktar sostenibbiltà u paċi fuq bażi internazzjonali.

Ekonomija

Sport