Tuesday, April 30, 2024

Ħatra ta’ Deputat Kap Eżekuttiv (Negozju tax-Xorb) għal Simonds Farsons Cisk plc

Aqra wkoll

Simonds Farsons Cisk plc ħabbret il-ħatra tas-Sur Michael Farrugia bħala Deputat Kap Eżekuttiv (Negozju tax-Xorb b’effett mill-1 ta’ Settembru 2022.

Is-Sur Farrugia se jaħdem iżjed mill-qrib mas-Sur Norman Aquilina, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, fuq l-operat ġenerali tan-Negozju tax-Xorb tal-Grupp u se jibqa’ jkollu responsabbiltà diretta mill-Operat, The Brewhouse u l-Iżvilupp tan-Negozju Internazzjonali. Din il-ħatra hi parti mill-pjanijiet strateġiċi tal-Grupp biex ikompli jikber u jiżviluppa.

Is-Sur Norman Aquilina, il-Kap Eżekuttiv, qal: “Parti intrinsika mis-suċċess ta’ kwalunkwe organizzazzjoni tiddependi mill-ħila tagħha li tiżgura li mhux biss tieħu ħsieb ir-riżorsi u r-reżiljenza biex tilħaq ir-riżultati mixtieqa għall-futur qrib, imma wkoll għall-ġejjieni mbiegħed. Għalhekk, bil-ħsieb li nsaħħu l-prestazzjoni pożittiva ġenerali tal-Grupp u niżguraw li nibqgħu ffukati fuq il-viżjoni strateġika tagħna, jeħtiġilna nieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet. Il-ħatra ta’ Michael hi waħda minnhom għax se tgħin lill-Grupp ikompli jiffoka aħjar fuq in-negozju tax-xorb. M’għandix dubju li l-esperjenza u l-entużjażmu ta’ Michael għandhom jgħinuh f’xogħlu u jwasslu lill-Grupp biex jilħaq l-ambizzjonijiet tat-tkabbir li għandu quddiemu.” 

Fil-kelmtejn għall-okkażjoni tal-ħatra tiegħu, is-Sur Farrugia qal li, “Naturalment, inħossni kburi li qed nassumi dan ir-rwol ġdid ta’ responsabbiltà u ħerqan li nkompli nibni fuq il-kisbiet kbar u l-legat twil tan-negozju tax-xorb ta’ Farsons lokalment u internazzjonalment.” 

Is-Sur Farrugia ngħaqad mal-Grupp Farsons fl-2006 u assuma b’suċċess firxa wiesgħa ta’ responsabbiltajiet fi ħdan it-taqsimiet tan-negozju u tal-operat tal-Grupp. Qabel din il-ħatra, is-Sur Farrugia kien Direttur Eżekuttiv (Operat u Żvilupp tan-Negozju) u kellu sehem ewlieni fit-tmexxija ta’ għadd ta’ proġetti, innovazzjonijiet u investimenti kapitali tal-Grupp, inklużi fir-riġenerazzjoni tal-birrerija l-antika ta’ Farsons u l-proġett ta’ The Brewhouse/Trident Park. Is-Sur Farrugia ilu Direttur tal-Grupp Farsons mill-2011, hu Direttur u Chairman ta’ Farsons Beverage Imports Company Ltd, Fiduċjarju tal-Fondazzjoni Farsons, Direttur ta’ Trident Estates plc., kif ukoll ta’ Multigas Limited u Multigas Sales Limited. 

Is-Sur Farrugia temm l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja tiegħu l-Ingilterra u ggradwa mill-Università ta’ Edinburgh b’Master’s fl-Istorja Ewropea, imbagħad kiseb il-grad ta’ Master of Business Administration (MBA) mill-Università ta’ Warwick.

Sport