Friday, December 13, 2024

“Qabel nindirizzaw l-istat tal-pajjiż hemm bżonn nindirizzaw l-istat tal-partit”

Bernard Grech jerġa’ jappella għal donazzjonijiet ta’ flus mill-poplu

Aqra wkoll

L-ewwel ġimgħa wara l-vot ta’ appoġġ li kiseb bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech kellu intervista fejn wiegħed li se jkompli jaħdem għall-poplu u għall-pajjiż iżda sostna li qabel bħala PN jindirizzaw l-istat tal-pajjiż, ammetta li l-ewwel hemm bżonn jindirizzaw l-istat tal-partit tagħhom. Filwaqt li fakkar li huwa “qal il-verità” meta kixef id-dejn enormi li għandu l-PN, Grech ħataf l-opportunità li jistieden lill-poplu Malti biex jagħti donazzjonijiet ta’ flus għall-kampanja ta’ ġbir li se jagħmlu nhar il-Ħadd li ġej.

Il-Kap tal-PN qal li l-partit tiegħu għandu grupp parlamentari b’taħlita ta’ elementi ġodda u oħrajn ta’ esperjenza twil u importanti uu li kollha li qegħdin hemm biex jagħmlu xogħolhom “għax għandna obbligu għall-ġid tal-poplu Malti u ta’ pajjiżna.” Fl-istess nifs huwa qal li biex il-ħidma tagħhom tkompli hemm bżonn li jsostnuha u biex dan isir, il-PN għandu bżonn is-sostenn tan-nies. 

Fost l-attakki kontra l-Gvern huwa allega li, “għax aħna ma nużawx il-fondi pubbliċi imma għandna lilkom. Inwegħedkom li nara li l-finanzi tal-partit jissaħħu imma għandi bżonn lilkom biex tagħtuna donazzjoni. Għidtilkom il-verità u issa hemm bżonn nindirizzaw din il-problema finanzjarja li għandu l-partit. Tinsewx, aħna niddependu mill-ftit tal-ħafna”.

Filwaqt li ddikjara li huwa jitkellem biss dwar fatti, Grech tkellem dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja li ggravat minħabba l-gwerra tal-Ukrajna “imma mhux biss”. Huwa qal li l-PN għamel proposta biex tidħol il-living wage għax l-għoli fil-prezzijiet qiegħed jolqot lil ħafna nies u dan ma jidhirx biss fl-istatistika iżda anke min-nies li qegħdin ikellmuh. Huwa sostna li ż-żieda qiegħda taffettwa l-ħajja normali tal-poplu fejn issa “qegħdin nitkellmu fuq il-bażiku u din hija problema reali”.

Hawnhekk huwa qal li bħala PN ibaxxu rashom għall-fatt li l-poplu Malti fl-aħħar elezzjoni għażel lill-Partit Laburista fil-Gvern imma issa, “il-Gvern għandu l-obbligu li jindirizza l-problemi li qegħdin jiffaċċjaw in-niies. Nippretendi li Robert Abela jindirizza l-problemi u mhux jitkellem dwarhom biss,” ħareġ bi sfida Grech.

Barra l-attakki diretti lill-Partit Laburista u lill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-PN attakka l-kredibilità, l-effiċjenza u l-kapaċità tal-Korp tal-Pulizija. Dan b’referenza għall-każ tal-persuna li kellha arrest internazzjonalii u ħareġ għal vaganza mill-ajruport Malti. Grech qal li bħalissa qiegħda tkompli tintilef il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija u li din hija ħasra għax hemm ħafna pulizija li jagħmlu xogħol tajjeb imma hemm dawk il-ftit li, le. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni hawnhekk semma’ l-każ personali tiegħu li seħħ ftit qabel l-elezzjoni fejn allega li kien hemm drone jitajjar fuq ir-residenza tiegħu. “Il-privatezza fid-dar tiegħek hija serja. Wara tliet, erba’ xhur għadni ma smajt xejn mingħand il-Pulizija. Jekk m’humiex kapaċi jsolvu każ ta’ drone fuq proprjetà, kif se jsolvu każijiet iktar serji?” temm b’mistoqsija Bernard Grech.

Ekonomija

Sport