Sunday, December 29, 2024

“Qatt ma qtajt qalbi mill-istudenti … nemmen li fid-dinja hawn post għal kulħadd”

Grace Pace, eks Inco fl-iskola San Andrea

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ April huwa sinonimu ħafna mal-kundizzjoni tal-Awtiżmu. Propju jumejn ilu, fit-2 t’April, għadu kemm ġie ċċelebrat il-Jum Dinji li jfakkar din il-kundizzjoni. Fuq il-midja soċjali ma naqsux ir-ritratti ta’ persuni bl-Awtiżmu flimkien ma’ kitbiet li fihom jiġu inkorporati qlub blu — minħabba li dan il-kulur jissimbolizza l-kundizzjoni tal-Awtiżmu — jew inkella ritratt b’żigarella li fuqha jkollha mpinġi partijiet ta’ puzzle b’kuluri differenti.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Grace Pace — eks għalliema u eks Inco fl-iskola San Andrea — fejn matul l-esperjenza tagħha fis-settur tat-tagħlim iltaqgħet ma’ studenti b’kundizzjonijiet varji, fosthom dawk bl-Awtiżmu. Oriġinarjament, fil-bidu tal-karriera tagħha bħala edukaturiċi hija bdiet tgħallem fi klassi ta’ tfal b’abbiltajiet imħallta. Kien il-mument meta beda jkollha esperjenzi ma’ tfal bl-Awtiżmu fil-klassi tagħha illi nibtitilha x-xewqa sabiex titħarreġ dwar din il-kundizzjoni: “Ħassejt li nista’ nagħtihom ħafna iżjed u ridt inkun naf kif nista’ nkun ta’ għajnuna aħjar,” stqarret Grace.

Il-progress fl-għarfien dwar l-Awtiżmu mal-medda taż-żmien

Meta jiġi kkumparat iż-żmien li qed ngħixu fih aħna ma’ żewġ deċennji ilu, ma jistax ma jiġix innutat il-progress li sar f’dak li hu għarfien u servizzi f’dan il-qasam. Sa madwar 20-il sena ilu, meta kont issemmi l-kelma ‘Awtiżmu’, ir-reazzjoni tan-nies kienet tkun li jibqgħu b’ħalqhom miftuħ iħarsu lejk għax għalihom kienet donnha kelma aljena. Maż-żmien, minħabba l-fatt li komplew jiżdiedu l-persuni b’din il-kundizzjoni, eventwalment għen biex tqajmet kuxjenza dwar l-Awtiżmu u l-poplu Malti beda jeduka ruħu: fosthom li persuni b’din il-kundizzjoni għandhom it-tendenza li jsibuha kemxejn diffiċli biex jesprimu ruħhom, tant li karatteristika tal-Awtiżmu hija li persuna ddum iżjed biex titgħallem tikkomunika verbalment; infatti kien hemm żmien fejn ġenituri li jkollhom tfal bl-Awtiżmu bdew jiġu mħeġġa sabiex jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali bil-għan li jkollhom mezz ta’ komunikazzjoni ma’ wliedhom. Karatteristiċi oħra tipiċi tal-kundizzjoni tal-Awtiżmu jinkludu, iżda mhux biss, nuqqas ta’ eye-contact, persuni jinqatgħu għalihom waħidhom, u li jiddejqu meta jisimgħu ħsejjes qawwijin, fost oħrajn.

Meta staqsejna lil Grace dwar is-sitwazzjoni attwali, filwaqt illi għarfet l-eżistenza ta’ faċilitajiet biex jibbenefikaw minnhom persuni bl-Awtiżmu f’pajjiżna, hija osservat il-fatt illi dawn mhux dejjem ikunu aċċessibbli għal kulħadd. Barra minn hekk, hija qaltilna li bħala pajjiż għad hemm lok fejn intejbu s-sitwazzjoni għaliex tagħraf li dawk it-tfal illi għandhom ċertu livell għoli ta’ Awtiżmu sfortunatament xorta għadhom ma jistgħux jibbenefikaw daqskemm mixtieq. Intant, fl-opinjoni tagħha, wieħed min-nuqqasijiet li għadu persistenti huwa l-ħtieġa ta’ iżjed professjonisti f’dan il-qasam.

F’wieħed mill-kummenti li tat lil dan is-sit, Grace ma naqsitx milli telenka l-importanza tal-involviment u l-kooperazzjoni min-naħa tal-ġenituri matul dan il-vjaġġ. Intant, fl-opinjoni tagħha hija qalet li f’każi fejn ikollok ġenituri li ma jkunux lesti li jimxu miegħek id f’id, dan l-aġir jostakola l-progress ta’ dawn it-tfal.

L-isfidi u s-sodisfazzjon li jtik ix-xogħol ma’ persuni b’abbiltajiet diversi

“Li taħdem ma’ tfal b’kundizzjonijiet diversi huwa sabiħ u diffiċli fl-istess ħin,” fissret Grace ma’ Talk.mt. Dan għaliex bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, kull esperjenza jkollha l-aspett pożittiv u dak kemxejn negattiv. Intant, fuq nota pożittiva, f’kumment ieħor li tatna dwar l-esperjenza tagħha, hija siltet episodju minnhom meta ltaqgħet ma’ student bl-Awtiżmu illi meta kien għadu żgħir kulħadd kien qiesu bħala każ mitluf. Hija sostniet li fl-ebda ċirkostanza, qatt ma waslet biex qatgħet qalbha minn xi student/a għaliex temmen li fid-dinja hawn post għal kulħadd. Min-naħa tagħha baqgħet deċiża li fejn hu possibbli, toffri l-aħjar li tista’ lil dan it-tifel u eventwalment bis-saħħa tal-appoġġ li ngħata rnexxielu jkompli jitħarreġ fuq l-I.T. u llum il-ġurnata għandu impjieg.

Mill-banda l-oħra, rigward l-isfidi li ltaqgħet magħhom fis-snin li ħadmet f’dan is-settur, waħda mill-isfidi li elenkat hija illi f’każi fejn għandek studenti b’ċertu kundizzjoni, għalkemm x’aktarx li d-dijanjożi tagħhom tkun l-istess, kull student/a għandhom każ għalihom; fis-sens li għalkemm jaf ikollok grupp t’erbat itfal bl-istess kundizzjoni ma jfissirx li kollha se jkollhom l-istess abbiltajiet. Dan saħansitra narawh rifless anki meta nħarsu lejn żewġ aħwa li ma jkollhom l-ebda tip ta’ kundizzjoni, ukoll ikollhom abbiltajiet differenti. “Ma tistax tgħid li kull student ser jirnexxi fil-ħajja bħall-oħrajn … din hi l-aktar parti iebsa għaliex int tkun trid li kollha jsibu post fis-soċjetà,” esprimiet it-tħassib tagħha Grace.

Ekonomija

Sport