Thursday, March 28, 2024

‘Qatt mhu se nkun Prim Ministru ta’ gvern korrott’ – il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-intervent tiegħu fil-Parlament, li tlaqqa’ b’urġenza biex ikun hemm diskussjoni ġenerali mingħajr vot dwar ir-rapport tal-bord li mexxa inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iddikjara li “jien qatt mhu se nkun Prim Ministru ta’ Gvern korrott”.

Beda l-intervent tiegħu billi qal li “il-Prim Ministru maqtugħ mir-realtà. Qalli li nidħol Kastilja  imma meta tirbaħli. Ngħidlu li hekk trid naħdmu flimkien. L-ewwel irid ikollok l-umiltà biex naħdmu flimkien. Biex taħdem flimkien irid ikollok is-sensittività. Qal li għandu relazzjoni tajba mal-ġurnalisti. Ngħidlu għalhekk ilek taħrabhom biex ittihom intervista.”

Kompla jgħid li “Iva l-Istat u allura l-gvern li jmexxieh huma responsabbli. Dan għax flok għamlu xogħlhom u ħadu azzjoni dwar stejjer ta’ korruzzjoni li kienet qed tikxef, huma għażlu li jiddemonizzawha. Jiżolawha. Għażlu li jħarsu in-naħa l-oħra. Għażlu li jipproteġu l-kriminali. Il-kriminali bħal qarnita ħadu kontroll tal-istituzzjonijiet. Dawn għamlu hekk b’impunità. Impunità assoluta tfisser is-serħan tal-moħħ li mhux se jinqabdu.  Dan hu l-kliem li għandu jibqa’ jidwi fil-kuxjenza tagħkom.  Iridna ninsew il-passat. Il-poplu li jinsa l-passat jerġa’ jgħixu.  L-inkjesta qalet li l-Kabinett kien aktar moħħu fil-ħolqien tal-ġid li kien fdat f’idejn grupp ta’ nies li kienu impikati fl-allegazzjonijiet li kienu qed isiru. Il-kampanja li ddemonizzat lil Daphne Caruana Galizia ħolqot il-klima favorevoli biex min ried jeliminaha seta’ jagħmel dan bl-inqas skonsegwenzi.”

Tenna li  “l-inkjesta tgħid li kien l-Istat li hu ħati u li inħolqot klima ta’ impunità.  Jekk il-Prim Ministru qed japoloġizza lill-familja u qed jagħmel sew, qed jagħti l-impressjoni li qed imexxi gvern differenti. Dan hu gvern li għadu jaġixxi bl-istess mod. Kliem sbieħ kemm trid. Liġijiet fuq il-karti, imma l-kandidat tal-kontinwità għadu jibża’ li jsib il-kuraġġ u ma jibqax jiddefendi lil Joseph Muscat.” 

Bernard Grech qal li “qegħdin hawn fil-Parlament biex nirrappreżentaw il-Maltin kollha. Qegħdin hawn biex nipproteġu l-interessi tal-Maltin kollha. Ħadna ħalfa li nipproteġu l-Maltin kollha, li naħdmu fl-integrità u nkunu onesti.  L-Imħallfin ikkonkludew li f’każ mill-aktar serju kien hawn bosta f’din il-Kamra li flok ħadmu fl-interess tal-poplu u biex jipproteġu l-persuna, ħadmu biex dik il-verità tinħeba. Jien ngħid għamlu aktar minn hekk. Għamlu ċert li min irid jikser il-liġi, ikun komdu li jista’ jagħmel dan. Iva sur President, ilbieraħ kellna rebħa għal kawża ta’ Daphne. Dan hu biss il-bidu biex nibdew insewwu l-ġerħa. Lill-Prim Ministru ngħidlu li din il-ġerħa kibret u qed tipperikola is-saħħa ta’ pajjiżna. Ħallejtuha tasal f’punt li tagħmel ħafna ħsara lil pajjiżna.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jgħid li “fi tfuliti ġejna imċaħħdin mill-kuġina tiegħi Karen Grech. Bqajna qatt ma sirna nafu l-verità. Le, inutli tibqgħu issemmgħu lil Eddie Fenech Adami. Infakkarkom li l-gvern tagħkom, għamel għaxar snin wara li nqatlet kuġinti. Imisskom tistħu tibqgħu tużaw lin-nies b’dan il-mod.  F’dan il-pajjiż ma biddilna xejn.”

Saħaq li “ejja naraw li fis-16 ta’ Ottubru li ġej naraw li dak rakkomandat mill-inkjesta jkun sar. Irridu li din is-seduta tkun biss il-bidu tat-triq, il-bidu tal-proċess f’din il-Kamra. Qed nitlob li jitwaqqaf kumitat Parlamentari biex jiddiskuti dawn ir-rakkomandazzjonijiet u naraw li dawn jitwettqu mill-aktar fis. F’Ottubru li ġej se jkunu għaddew erba’ snin mill-qtil ta’ Daphne.  Hu tal-mistħija li pajjiż modern u demokratiku, jagħmel aktar minn tlett snin jiċħad lil min ried jikxef il-verità. Kieku żammejna mal-istituzzjonijiet li intom tikkontrollaw u li intom tgħidu li jaħdmu, kieku żgur ma wasalniex hawn.”

Bernard Grech qal li “kien biss bis-saħħa ta’ tlett Imħalfin indipendenti li stajna naslu sa din il-verità. Rajna l-kollass tal-istituzzjonijiet u meta dawn ma jaħdmux iċ-ċittadin iħosss li tkun qed tonqos il-protezzjoni fuq il-libertajiet tiegħu. Iltqajt ma’ mara li kienet ilha ma tidher f’attività pubblika. Spjegatli li taħdem maċ-Ċivil u tibża’ tesprimi ruħha. “Sabu mod kif jagħlqu ħalq Daphne, aħseb u ara x’jagħmlu lili’, qaltli din il-mara. Qed jibżgħu il-Maltin u din il-mara flok jibżgħu il-kriminali li għadhom jiġru mas-saqajn.”

Tenna li “lil dawk li qed jgħixu fil-biża’ u d-diskriminazzjoni, ngħidilhom li kif ma beżgħetx Daphne, mhux se nibżgħu aħna ukoll.  Lil dik il-mara ngħidilha li aħna lesti li nipproteġuk. Hemm bżonn li di il-Kamra kollha, hemm bżonn li niġġieldu il-biża’ bit-tama. Hemm bżonn li Malta tkun aħjar. Malta jixirqilha aħjar minn hekk.  Żmien il-biża’ issa spiċċa. Issa jibda żmien it-tama.”

Qal li “l-inkjesta tgħid li l-qtil hu responsabbilita kollettiva tal-Kabinett Laburista. Din tistgħu tippruvaw tgħattuha jew taħarbuha billi tibqgħu raskom baxxuta tħarsu lejn il-mobile, jew bil-One News jew bil-PBS. Din hi verità li ma tistgħux taħarbu minnha. Responsabbiltà kollettiva ma tfissirx li tinżlu hawn isfel u tieħdu stessu.  Responsabbilità kollettiva tfisser li ħallejtu deċiżjonijiet jittieħdu li kienu inġusti u illegali u ma ċaqlaqtux sebgħa wieħed biex ma jsirux. Għandkom responsabbilità kollettiva. Nibdew bil-Ministru Owen Bonniċi. Tajt l-ordnijiet, biex il-memorja ta’ Daphne tinkines. Dan flok kien hu li mar ipoġġi l-fjuri.”

Tenna li “bħala Prim Ministru għadni ma nafx inti fejn inti qiegħed. Qatt mhu se nkun Prim Ministru ta’ Gvern korrott. Qalilna li jrid id-djalogu u jiġi jagħmillek kumment bħal dan. Isemmi l-Ombudsman u hu jiġi b’isem u ma jitilqux minn idejh, intih isem ta’ Imħallef li fejn hu iswed jgħid iswed u fejn hu abjad hu abjad u ħarab. Għax irid ikun il-gvern tal-griż. Mela kompli kun il-gvern tal-griż. Inti kont l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, meta kienet qed tinħeba il-verità. Meta jingħad responsabbilità kollettiva tkun qed tgħid ukoll għalik. Prim Ministru, il-kredibilità tiegħek spiċċat fix-xejn. Inti pupazz biss tas-sid li poġġiek fuq dak is-siġġu. Sib il-kuraġġ biex tiċħad lil Joseph Muscat”. 

Ekonomija

Sport