Sunday, December 22, 2024

Qattusa f’Huddersfield issalva l-ħajja ta’ sidha

Aqra wkoll

Gill Kelly, omm ta’ żewġt itfal li tgħix f’Huddersfield, West Yorkshire, temmen li  Humbug — il-qattusa tagħha — salvatilha ħajjitha wara li fl-2017 il-qattusa qabżitilha fuq żaqqha. Dan ġie rrappurtat ilbieraħ filgħaxija mill-Metro.

Kelly tistqarr li ħasset uġigħ kbir f’żaqqha malli l-qattusa waqgħet fuqha, tant li bdiet twerżaq. Humbug inzertat qabżet fuq tumur li kellha Kelly, tumur li ma kinitx konxja tiegħu, u li min xi testijiet li sarulha rriżulta li għandha kanċer tal-ovarji. It-tumur ġie mneħħi u s’issa jidher li kien suċċess.

Qabel ma seħħ dan l-episodju, Kelly kellha xi sintomi bħal infiħ u irregolaritajiet fiċ-ċiklu tal-menstruwazzjoni, però hi ħasbet li dan kien il-bidu tal-menopawsa.

L-istorja ta’ Humbug tant kemm inxterdet ma’ nies illi l-qattusa ġiet innominata għal premju, magħruf bħala Cats Protection National Award.

Kelly tinsab grata wisq għall-mod kif din il-qattusa salvatilha ħajjitha u tisħaq li “Għalija hi l-iktar qattusa speċjali tad-dinja”. Hija tkompli tgħid li kieku ma kienx bis-saħħa ta’ Humbug, il-kanċer kien jilħaq javvanza iżjed u kien ikun ferm iktar diffiċli biex jiġi trattat.

Ekonomija

Sport