Thursday, December 26, 2024

Qbil fil-PE favur titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Negozjaturi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħqu ftehim proviżorju dwar abbozz ta’ liġi li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali (platform workers).

Id-Direttiva dwar ix-Xogħol tal-Pjattaformi għandha l-għan li tiżgura l-klassifikazzjoni korretta tal-impjieg tan-nies li jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol u sabiex ikunu introdotti l-ewwel regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġestjoni algoritmika u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol.

“Skont il-liġi l-ġdida, ħafna ħaddiema tal-pjattaforma fl-Ewropa jistgħu jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala impjegati u għalhekk jiksbu aċċess għad-drittijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali,” qal il-PE. “Mill-inqas 5.5 miljun persuna jistgħu jiġu klassifikati b’mod ħażin bħala li qed jaħdmu għal rashom”.

Intqal ukoll li hemm aktar minn 500 pjattaforma tax-xogħol diġitali attiva u s-settur jimpjega aktar minn 28 miljun persuna – ċifra li mistennija tilħaq it-43 miljun sal-2025.

“Dan huwa ftehim rivoluzzjonarju u l-ewwel qafas leġiżlattiv għall-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali,” qalet l-MEP Elisabetta Gualmini, ir-rapporteur li mexxiet ‘il quddiem dan l-abbozz fil-PE.

“Għandna trasparenza u responsabbiltà għall-algoritmi, drittijiet aħjar għal dawk il-ħaddiema li huma l-inqas protetti fid-dinja u għandna kompetizzjoni ġusta għall-pjattaformi,” hija żiedet tgħid.

Jekk ħaddiem jissodisfa tnejn mill-ħames kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni jkun meqjus bħala impjegat. Il-ħames kriterji huma: limiti fuq kemm il-ħaddiema jistgħu jiġu mħallsa, superviżjoni mill-bogħod tax-xogħol tagħhom, kontroll fuq liema xogħol qed iwettqu, restrizzjonijet fuq is-sigħat ta’ xogħol u kontroll fuq il-kundizzjonijiet, limiti fuq id-dehra jew l-imġiba tagħhom.

Ekonomija

Sport