Sunday, December 22, 2024

Qed inħares ‘il quddiem lejn din il-kariga ġdida bħala kowċ ta’ Nadur Youngsters – Brian Chetcuti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Brian Chetcuti għandu 39 sena u hu kowċ Malti li ftit ftit qed jikseb l-esperjenza tiegħu fuq bażi lokali. Bejn l-2019 u l-2022 beda jokkupa l-kariga ta’ assistant coach u anke caretaker coach ta’ Santa Lucia FC.

Fl-2022 hu kien assistant coach ta’ Birkirkara FC fejn anke kien caretaker coach magħhom. Chetcuti mexxa lit-team tal-Istripes bħala kowċ waħdu għal 14-il logħba fil-Premier wara t-tluq ta’ Giovanni Tedesco. Huwa għandu l-liċenzja UEFA ‘A’ tal-kowċing.

Kien hawn li ftit tal-ġimgħat ilu ċ-champions tal-futbol Għawdxi Nadur Youngsters permezz tal-president Dr Chris Said ikkuntattja lill-istess Chetcuti. Dawn tal-aħħar kienu qed ifittxu kowċ wara li l-kowċ li kellhom l-istaġun li għadda Elton Vella ddeċieda li ma jkomplix fil-kariga. 

Dan il-ġurnal tkellem mal-kowċ Brian Chetcuti nnifsu fejn fost oħrajn, tkellem dwar din l-esperjenza l-ġdida tiegħu.

Nixtieq tagħtini l-ewwel kummenti tiegħek wara li sirt kowċ ta’ Nadur Youngsters.

L-ewwelnett qed inħares ‘il quddiem lejn din il-kariga ġdida ma’ Nadur Youngsters, iċ-champions tal-futbol Għawdxi. Hemm entużjażmu kbir fil-grupp u l-klabb laqagħni tajjeb ħafna. Jien u nara ftit l-affarijiet bqajt impressjonat bil-livell ta’ xi plejers apparti li hemm żgħażagħ Għawdxin li huma tajbin daqs il-Maltin. 

Allura taħseb li l-livell tal-futbol Għawdxi f’dawn l-aħħar snin żdied, baqa’ l-istess jew naqas?

Naħseb li żdied mhux ħażin. Kif semmejtlek aktar qabel, hawn talent żagħżugħ mill-aqwa u narahom simili għal dawk Maltin. Issa l-problema li nara hi biss kemm jingħataw iċ-ċans juru x’jafu. Jien se nipprova nkun dak il-kowċ li nagħtihom ċans sabiex juru l-potenzjal tagħhom. 

Taħseb li għandkom skwadra b’saħħitha sabiex iżommu t-titlu li rbaħtu fl-istaġun li għadda?

Bla dubju li l-iskwadra tagħna dejjem tibqa’ b’saħħitha u aħna t-tim li kulħadd irid jirbħilna. Aħna għandna filosofija li dejjem trid tkun rebbieħa. Jien ġejt hawn biex inkompli t-tradizzjoni ta’ suċċess u se naħdem qatigħ sabiex dan kollu jkompli u n-Nadurin iżommu l-konsistenza. 

Se tkunu qed tagħmlu xi akkwisti ġodda fil-jiem li ġejjin?

Iva, fosthom ta’ barranin. Għalissa nista’ nikkonferma biss l-akkwist tal-midfielder Brażiljan, Diego Pires Dall’Oca.

Ħafna mil-logħob tal-futbol Għawdxi jintlagħab fil-Gozo Stadium. Kemm hu ta’ livell dan il-grawnd?

Dan hu grawnd verament sabiħ li kull meta ġieli kien imissna nilagħbu hemm meta kont ma’ Birkirkara jaffaxxinani wisq. Se nkunu qed nagħmlu wkoll xi partiti ta’ ħbiberija sabiex anke nerġgħu nibdew ftit ftit nilagħbu.

Togħġobni wkoll l-organizzazzjoni li hemm fi ħdan dan il-grawnd u mhux ta’ b’xejn li hi waħda mill-faċilitajiet mill-aqwa li hemm fil-gżejjer Maltin.

Din se tkun it-tielet esperjenza tiegħek wara Santa Lucia FC u Birkirkara FC. Kemm ksibt esperjenza ma’ dawn iż-żewġ timijiet differenti?

Żgur li ma dawn iż-żewġ timijiet kelli esperjenzi mill-aqwa li tgħallimt ħafna, speċjalment mal-kowċis li kont magħhom. Żgur li kien hemm mumenti partikolari fejn kont taħt pressjoni iżda fl-aħħar mill-aħħar dawn huma esperjenzi li kull kowċ jgħaddi minnhom. Minn x’imkien trid tibda u issa ninsab mal-aqwa tim f’Għawdex u se nipprova nagħti l-mija fil-mija tiegħi.

Hemm xi ringrazzjamenti li tixtieq tagħmel speċjalment lill-kumitat ta’ Nadur Youngsters FC?

Ovvjament l-ewwel u qabel kollox nixtieq nirringrazzja lill-president Dr Chris Said li mal-ewwel kellimni u riedni ħafna li nkun il-kowċ ta’ Nadur Youngsters. Kien intenzjoni tiegħu li joħodni f’Għawdex u wara laqgħa interessanti ħafna mal-ewwel ftiehmna. Nammettiha li laqtitni ħafna l-filosofija tal-klabb li dejjem irid ikun rebbieħ. Dan kollu jinvolvi ħafna pressjoni iżda jien naf kif għandi nassorbiha bl-aqwa mod possibbli. Issa rridu biss inkomplu nimxu ‘l quddiem.

Nixtieqek twassal messaġġ lill-partitarji ta’ Nadur Youngsters li nafu kemm huma leali lejn it-tim.

L-ewwelnett għalina ta’ Nadur Youngsters, il-partitarji huma ferm importanti u nżommuhom ħafna viċin tagħha. Huma t-12-il plejer fil-grawnd li jagħtuna ħafna kuraġġ. Madankollu rriduhom magħna mhux biss fil-bnazzi iżda wkoll fil-maltemp. Il-klabb bħalissa għaddej minn transizzjoni biex it-tim jiġġedded u importanti li jkollhom il-paċenzja kollha sakemm il-plejers jingħaqdu flimkien speċjalment dawk il-barranin li se jingħaqdu magħna.

Ekonomija

Sport