Friday, March 28, 2025

“Qed inħares lejn din il-kariga bħala stedina minn Alla biex inkompli naqdi liż-żgħażagħ”- Fr Fabio Attard

Aqra wkoll

Aħbar sabiħa ħafna li tagħmilna kburin li aħna Maltin hija li Fr Fabio Attard, Salesjan mir-Rabat Għawdex, għadu kif inħatar bħala l-mexxej dinji tas-Salesjani ta’ Dun Bosco. Dan wara elezzjoni li saret waqt laqgħa ta’ 220 provinċjal u delegat f’Turin. Fr Fabio Attard issa għalhekk ser ikun qed imexxi komunità magħmula minn 13,750 membru konsagrat li huma organizzati fi 92 provinċja f’136 nazzjon. Hija kariga tassew important u mistħoqqa meta tara d-dedikazzjoni ta’ Fr Fabio Attard.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex faħħret lil Alla u ferħet ma’ Dun Fabio Attard SDB, wieħed minn uliedha, hekk kif fil-jum tas-Solennità tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, il-Mulej reġa’ xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon ta’ din il-Knisja u bagħat l-Ispirtu tiegħu ta’ qadi fuq dan is-saċerdot Salesjan, umli u dedikat, biex imexxi l-opra għażiża Salesjana bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco. Dan hekk kif ilbieraħ filgħodu, id-29 Kapitlu Ġenerali tas-Salesjani ħatar lil Dun Fabio bħala Rettur Maġġur tal-Kongregagazzjoni Salesjana, imxerrda ma’ 136 pajjiż fid-dinja.

Dun Fabio twieled il-Belt Victoria, Għawdex fit-23 ta’ Marzu 1959, u rċieva l-ewwel sagramenti fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana. Huwa ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskejjel tal-Belt Victoria, u wara tliet snin ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, fl-1978 daħal fil-familja Salesjana. Wara l-istudji tiegħu fl-Inserm u eventwalment fi ħdan il-Konregrazzjoni Salesjana, għamel il-Professjoni Reliġjuża f’Dublin, fit-8 ta’ Settembru 1980.

Huwa rċieva l-Ordinazzjoni Djakonali fit-12 ta’ Lulju 1986 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, u dik Presbiterali fl-4 ta’ Lulju 1987 mill-Kardinal Castillo Lara sdb, it-tnejn fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria. Speċjalizza fit-Teoloġija Morali fl-Università Pontifiċja Salesiana u fl-Akkademja Pontifiċja Alfonsiana ta’ Ruma, fejn aktar tard ġie msejjaħ jgħallem, waqt li fl-1999 kiseb Dottorat mill-Milltwon Institute for Philosophy and Theology ta’ Dublin bir-riċerka tiegħu fuq it-tema tal-kuxjenza fl-omeliji Anglikani ta’ San John Henry Newman.

Għen biex twaqqfet il-preżenza Salesjana f’Tunis, u aktar tard serva wkoll bħala Rettur tal-Oratorju u l-Iskola Salesjana ta’ Saint Patrick’s f’Malta. Fl-2005 waqqaf l-Istitut għall-Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u sar l-ewwel Direttur tiegħu. Is-26 Kapitlu Ġenerali tal-Kongregazzjoni Salesjana kien ħatru Delegat tal-Provinċja tal-Irlanda u Malta, kif ukoll Kunsillier għall-Pastorali maż-Żgħażagħ.

Għalkemm għex għal ħafna żmien barra minn gżiritna, minħabba l-ministeri importanti li kien jokkupa kemm fi ħdan il-familja Salesjana u kemm fil-Knisja universali, Dun Fabio kien dejjem punt ta’ riferiment għal-lajċi impenjati, saċerdoti u saħansitra għall-isqfijiet tad-Djoċesi.

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ċempel lil Dun Fabio biex jifraħlu, hekk kif wara li l-220 provinċjal u delegat miġbura f’Valdocco għażluh bħala Rettur Maġġur, hu kien fi triqtu lejn Turin, il-benniena tal-ispiritwalità u l-kariżma Salesjana, biex iżur il-qabar tal-fundatur San Ġwann Bosco.

Sadanittant, il‑Knisja f’Malta ferħet lil Fr Fabio Attard SDB li nħatar bħala l‑11‑il suċċessur ta’ Don Bosco fil‑missjoni pastorali tiegħu ta’ Rettur Maġġur tal‑Konregazzjoni Salesjana.

“F’dan il‑mument tant sabiħ għall‑Knisja f’Malta u għall‑Knisja Universali, nitolbu għal Fr Fabio f’din il‑missjoni ġdida ta’ ragħaj fdata lilu f’136 pajjiż madwar id‑dinja.”

F’telefonata ma’ Fr Fabio ftit wara t‑tħabbira tal‑ħatra tiegħu, l‑Arċisqof Charles Scicluna u l‑Isqof Awżilarju Joseph Galea‑Curmi awgurawlu għal din il‑ħidma l‑ġdida u wegħduh is‑sapport u t‑talb tal‑Knisja f’Malta.

Fost il‑bosta esperjenzi teoloġiċi, pastorali u akkademiċi tiegħu, Fr Fabio kien ukoll l‑ewwel direttur tal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali li twaqqaf bħala risposta għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan tal‑2003 sabiex tiġi promossa u kkoordinata l‑formazzjoni tal‑Insara fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

Meta staqsejnieh kif qiegħed iħares lejn din il-kariga huwa wieġeb li jaraha, “bħala stedina minn Alla biex inkompli naqdi liż-żgħażagħ, mhux biss f’pajjiż wieħed, imma naqdi fid-dinja kollha, naqdihom billi nibda nakkumpanja, ninkoraġġixxi lil sħabi, u lil dawk il-persuni li qegħdin jaħdmu għall-ġid taż-żgħażagħ f’137 pajjiż. Jiġifieri jiena din naraha bħala stedina aktar milli ħaġa oħra!”

Kieku jkollna nsiru nafu aktar lil Fr Fabio u l-passat tiegħu, nistaqsu wkoll x’kien dak li wasslu biex isir Salesjan u ma ngħaqadx ma’ xi ordni oħra reliġjuża, u meta staqsejna ftit dwar il-bidu tiegħu bħala saċerdot, qalilna li jiftakar meta kien żgħir kien imur l-Oratorju ta’ Għawdex, u jkompli jirrakkonta “kont ili nattendi mis-sena 1965, minn meta s-Salesjani tliet xhur wara li bdejt nattendi kien beda l-Oratorju proprju f’Diċembru tas-sena 1965. Il-papà tiegħi kien ukoll Katekist, lajk, dan qed nitkellmu madwar sittin sena ilu. Hemmhekk kont bdejt l-Oratorju u hemmhekk kellna d-Direttur tal-Oratorju Dun Karm Mercieca, li kien l-Arċipriet ix-Xewkija wara, u dan lili kien saħħarni, tant li jiena ridt insir bħalu. Wara l-lyceum imbagħad kont dħalt is-Seminarju u bdejt naħdem l-Oratorju, u mbagħad hemmhekk l-Oratorju skoprejt bil-mod il-mod li Alla qed isejjaħli għal vokazzjoni aktar stretta, l-aktar fuq l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u għamilt id-dixxerniment ma’ Dun Mikiel Attard li kien id-direttur spiritwali tas-Seminarju ġewwa Għawdex.”

Jispjega wkoll kif Dun Mikiel Attard li żgur kien ta’ sapport kbir għal Fr Fabio Attard, tista’ tiddeskrivih bħala bniedem qaddis, tant li hemm il-kawża tal-beatifikazzjoni għaddejja. Huwa b’mod nostalġiku jħares lura lejn il-passat u jgħid li “nħares lura u ninduna li l-Mulej kien qed imexxini, jiena kulma għamilt huwa li pruvajt, kemm jista’ jkun, inkun onest mas-sejħa li kien qed jagħmilli. Dan vera qed ngħid l-affarijiet fil-qosor, għax nista’ ndum sejjer sagħtejn, għax hija storja personali, hemm dal l-element tal-familja, għandek l-element tal-parroċċa, l-iskola wkoll il-Lyceum kellna għalliema straordinarji, jiġifieri hemm ħafna elementi li lilek isawruk”.

Il-Knisja żgur li b’mod ġenerali qed tagħmel ħafna ġid, anke maż-żgħażagħ, iżda l-Knisja kemm għadha relevanti, u ż-żgħażagħ infushom qegħdin ifittxu gruppi fejn permezz tagħhom qed jersqu lejn Alla? Iddiskutejna dan ma’ Fr Fabio Attard u huwa tal-opinjoni li “ż-żgħażagħ bħalissa qed jgħixu f’soċjetà fejn tilfet l-orjentament, imma l-qalb tagħhom xorta għadha tfittex; jiġifieri qed jgħixu f’sitwazzjoni fejn qegħdin ifittxu persuni bis-sens u l-valuri, però la qegħdin jaraw il-valuri u lanqas qed isibu persuni bis-sens li jistgħu jiggwidawhom b’mod tajjeb. Ħafna drabi dawn l-esperjenzi estremi ta’ droga, ta’ suwiċidji, huma bħal għajta, karba, għal xi ħaġa li hija profonda, u mhux qed isibu spazju fejn jistgħu jtaffu l-għatx għal persuni bis-sens. Iż-żgħażagħ għandhom bżonn persuni u ambjent safi.” Dan żgur kieku jgħinhom biex jiffurmaw f’persuni aħjar u jkunu mogħnija b’aktar valuri.

Huwa jkompli jispjega li l-problema taż-żgħażagħ mhijiex biss il-problema tal-Knisja, imma hija sfida soċjali, sifda kulturali, u edukattiva. Dan jista’ jixhdu għax kif kompla jispjega “jiena dort id-dinja għal tnax-il darba u nara li hemm sfidi edukattivi li huma komuni għad-dinja kollha, qed ngħixu f’dinja globalizzata, u kull fejn tmur, jekk hux il-Vjetnam, l-Arġentina, jekk hux l-Ukraina jew il-Messiku, l-Amerika, il-Korea, għandek issib żgħażagħ li qed ifittxu, u hemm bżonn li dawn b’xi mod jew ieħor isiru kurjużi b’mod sabiħ, però trid tqogħod attent jekk din il-kurżità hux qed tpoġġihom f’sitwazzjoni li ser tużahom jew ser tispiċċa aktar tidħak bihom.” Huwa jġib eżempju tat-teknoloġija li għalkemm hija għodda tajba iżda tista’ ssir spazju fejn il-ħajja qed tiġi kkunsmata.

Xtaqna li Fr Fabio Attard jgħaddi messaġġ, speċjalment issa li qegħdin fiż-żmien qaddis tar-Randan u qed nippreparaw għall-akbar festa tagħna l-Insara l-Għid il-Kbir, u hu qal li hu jaħseb li “r-Randan huwa żmien sabiħ, ir-Randan bħal donnu jgħidlek ‘isma ħabib tiegħi, ikkalma ftit ta!’, bħalma fil-Formula Uno ngħidu l-pit stop, il-pit stop x’inhi? Il-pit stop hija dawk l-għaxar sekondi, forsi ftit inqas, fejn inti tkun għaddej b’veloċità kbira imma jkollok tieqaf għal ftit, u tieħu kontroll tas-sitwazzjoni.”

Trid tistaqsi inti lilek innfisek,fejn sejjer u fejn tixtieq tasal, li tiċċaħħad għal ftit minn xi affarijiet, u mhux għax huma ħżiena imma fejn tirrealizza li dak li mhuwiex essenzjali tħallih barra, biex ma nitfixklux u ma nitħarbtux, u wkoll nevitaw li nkunu aljenati u niffokaw fuq dak l-aktar li hu important, għax “ir-Randan huwa żmien fejn niġu wiċċ’imb wiċċ quddiem dik il-mera li ġġegħelna niltaqgħu magħna nfusna, anke jekk din il-mera ħafna mid-drabi tbeżżagħna.”

“U dan jista’ jkun li tbeżżagħna għax iġġibna konxji ta’ aħna min aħna u forsi wkoll ta’ kemm hemm bżonn li nagħmlu xi tibdiliet biex kemm jista’ jkun insiru persuni aħjar. Persuni li bla dubju, bħal Fr Fabio Attard nibdew ngħixu l-valuri u naraw l-importanza li nkunu hemm għal ħaddieħor, mhux biss fil-mument tal-bżonn imma dejjem”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport