Saturday, December 21, 2024

“Qed inżewġu l-irkupru mat-trasformazzjoni lejn l-ekonomija ħadra”

Aqra wkoll

“Qed inżewġu l-irkupru mat-trasformazzjoni lejn l-ekonomija ħadra”. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr dan fil-Parlament meta kien qed jitkellem fl-istadju tat-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.  Huwa stqarr li l-Gvern Laburista qed jagħmel l-aqwa għażliet favur l-ambjent u żied jgħid li ma jistgħux jiġu llum id-deputati tal-Oppożizzjoni u jitkellmu dwar l-ambjent għax kienu huma li għamlu l-għażliet il-ħżiena bħal meta żiedu ż-żoni tal-iżvilupp b’art daqs is-Siġġiewi u ddeċidew favur il-heavy fuel oil għall-power station ta’ Delimara.

Il-gvern illum qed iżewweġ l-irkupru tal-ekonomija Maltija mill-Pandemija mal-isfidi u l-miri li rridu nilħqu biex sas-sena 2030 innaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju b’55% u mbagħad neliminawhom għal kollox sas-sena 2050. Dan huwa pjan konkret ta’ fejn irridu naslu, stqarr Zrinzo Azzopardi, u l-Pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza kiseb l-aqwa ċertifikat mill-Kummissjoni Ewropea tant li l-President tal-Kummissjoni Ursula Von Der Leyen stqarret li huwa l-aktar pjan favur l-ambjent minn dawk tal-Istati Membri kollha.

Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz tat-€320 miljun ta’ Fondi Ewropej li kiseb il-Gvern Malta għal dan il-pjan se jiġu nvestiti fost affarijiet oħra fi proġetti mill-aktar utli għall-ambjent. Huwa semma diversi eżempji ta’ dawn l-investimenti fosthom ir-rinovar li se jsir fl-iskejjel primarji ta’ Ħal=Għaxaq u n-Nadur biex dawn isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija filwaqt li qegħda tinbena skola ġdida fl-Imsida bil-mira li din tkun kważi ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju. Anke parti mill-Isptar Monte Carmeli ser tkun rinovat għal dan il-għan.

Anke s-settur privat se jkun qed jibbenefika minn inċentivi u għotjiet biex dan is-settur ukoll jagħmel rinovazzjoni f’binjiet tiegħu biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. B’kollox fuq dawn l-inizjattivi il-Gvern se jonfoq €78 miljun.

Il-gvern irid jimxi b’aktar għaġġla f’dak li għandu x’jaqsam mal-qalba tal-mezzi tat-trasport għall-elettriku u se jkompli jinċentiva x-xiri tal-karozzi mill-privat biex dawn ikunu elettriċi. Se jibdew jinbidlu l-karozzi tas-servizz pubbliku u l-mezzi tat-Trasport Pubbliku biex ikunu jaħdmu bl-elettriku filwaqt li f’Għawdex diġa beda jingħata servizz ta’ shuttle tat-trasport pubbliku li jaħdem bl-elettriku bejn il-Port tal-Imġarr u Park & Ride fix-Xewkija. Il-Gvern irid ikompli jinkoraġixxi t-trasport bil-baħar wara s-suċċess miksub fil-Port il-Kbir u dak ta’ Marsamxett. Għal dan il-għan se jinbena moll f’San Pawl il-Baħar biex dan is-servizz ikun estiż għal dawk l-inħawi. 

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi rrefera wkoll għal proġetti importanti oħra li għandhom l-għan li jkomplu jnaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju fosthom il-proġett Shore-to-Ship fil-Port il-Kbir biex il-cruise liners u vapuri oħra jieħdu l-provista tal-elettriku tagħhom mill-mollijiet biex ikunu jistgħu jitfu l-magni waqt li jkunu sorġuti fil-Port. Dan il-proġett ko-finanzjat minn Fondi Ewropew issa qed ikun estiz ukoll lejn il-mollijiet fin-naħa tal-Isla filwaqt li l-ġimgħa li għaddiet tnieda wkoll proġett simili għall-Freeport bil-għan li r-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar jibbenefikaw minn arja aktar nadifa u inqas ħsejjes fl-inħawi tagħhom.

Zrinzo Azzopardi semma wkoll kif permezz ta’ Fondi Ewropej sar proġett importanti ieħor b’kollaborazzjoni mal-Wasteserve biex dik li kienet miżbla f’Wied Fulija inbidlet f’post miftuħ b’veduti u xenarju mill-isbaħ li qed jitgawdu minn mijiet ta’ familji Maltin l-aktar dawk mill-irħula tal-viċin. 

Is-Segretarju Parlamentari temm id-diskors tiegħu billi qal li fis-snin li ġejjin il-Gvern se jkompli jaħdem bis-sħiħ biex jilħaq il-miri ambizzjużi li għamel. Il-Gvern qed jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba, qed jinvesti fl-ambjent u qed juri li bil-fatti mhuwiex biss jiddiskuti affarijiet fl-arju imma tassew qed jaħdem favur l-ambjent ta’ pajjiżna. 

Ekonomija

Sport