Friday, May 3, 2024

Australian Open: Il-Britanniċi Murray u Raducanu ma jfallux

Aqra wkoll

Fit-tieni ġurnata tal-Australian Open li qed isir f’Melbourne Park, il-Grieg seed numru 4, Stefanos Tsitsipas, kiseb rebħa komda meta għeleb lill-Isvediż, Mikael Ymer, 6-2 6-4 6-3, f’sagħtejn u 10 minuti. Miegħu għaddew ukoll iċ-champion tal-US Open, ir-Russu Daniil Medvedev, il-Britanniku, Andy Murray kif ukoll l-Awstraljan Nick Krygios.

Fil-kategorija femminili ċ-champion tal-US Open, Emma Raducanu, bdiet bir-rebħ f’avveniment li qabel beda kien dominat mis-Serb numru wieħed tad-dinja, Novak Djokovic, li kien involut f’saga ta’ 10 ijiem minħabba li ma jridx jitlaqqam kontra l-Covid-19. 

Medvedev beda l-kampanja tie­għu biex isir l-ewwel Russu li jirbaħ it-titlu wara Marat Safin fl-2005, kiseb rebħa ta’ tliet sets, 6-1 6-4 7-6 (7-3) fuq Henri Laaksonen tal-Isvizzera.

Il-finalista ħames darbiet, Murray, li aċċetta wildcard biex jilgħab f’Melbourne għall-ewwel darba mill-2019 wara li kien imweġġa’ fit-tul, għeleb lis-seed numru 21, Nikoloz Basilashvili ta’ Georgia f’taqtiegħa epika ta’ 6-1 3-6 6-4 6-7 (5-7) 6-4.

F’logħbiet oħra mill-kategorija tal-irġiel, ir-Russu Andrey Rublev warrab lit-Taljan Gianluca Mager, 6-3 6-2 6-2, l-Arġentin Diego Schwartzman lis-Serb Filip Krajinovic, 6-3 6-4 7-5, u l-Ispanjol Ro­berto Agut Bautista lit-Taljan, Stefano Travaglia, 7-6 (7-2) 6-4 5-7 6-1.

FERNANDEZ ELIMINATA

Fil-battalja bejn żewġ cham­pions tal-US Open, Emma Raducanu, spiċċat rebbieħa meta war­rbet id-diżappunt tat-tieni set u għelbet lill-Amerikana, Sloane Stephens, 6-0 2-6 6-1.

Iżda mhux se jkun hemm storja tal-ħolm għall-Kanadiża, Leylah Fernandez, finalista tal-US Open kontra Raducanu, meta wara ġurnata ħażina fl-uffiċċju rat lill-adoloxxenti Kanadiża tiġi eliminata mill-wildcard Awstraljana, Maddie Inglis, 6-4 6-2.

Is-seed numru 3, Garbine Muguruza, rebħet lil-Franċiża, Clara Burel, 6-3 6-4, bil-finalista tal-2020 issa tiltaqa’ kontra l-Franċiża wkoll, Alize Cornet, wara li din għelbet lill-Bulgara, Viktoriya Tomova, 6-3 6-3.

Il-player numru 2 tad-dinja, Aryna Sabalenka tal-Belarus, kisbet l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għel­bet lill-Awstraljana Storm Sanders 5-7 6-3 6-2, bl-eks finalsita f’dan l-Open, ir-Rumena Simona Halep tegħleb lill-Pollakka, Magdalena Frech, 6-4 6-3.

Il-Pollakka Iga Swiatek eliminat lill-Britannika li kkwalifikat, Harriet Dart, 6-3 6-0, u Annett Konta­veit tal-Estonja għelbet liċ-Ċeka Katerina Siniakova, 6-2 6-3.

L-ex champion ta’ Wimbledon u finalista ta’ dan l-Open, iċ-Ċeka Pet­ra Kvitova, ġiet eliminata mill- veterana Rumena, Sorana Cristea, 6-2 6-2.

Sport