Wednesday, April 24, 2024

“Il-passjoni tiegħi fl-atletika bdiet fit-triq” – Jolene Debtattista

Aqra wkoll

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sports ieħor? 

Sa min mindu kont ta’ età vera żgħira dejjem niftakarni niġri u nilgħab fid-dar jew fit-triq mal-kuġini.

Niftakarni nara kompetizzjonijiet fuq it-televiżjoni imbagħad nagħmel bħal­hom: ezempju ġol-garage kont nagħmel kaxxa fin-nofs daqslikieku xi hurdle jew nipprova nagħ­mel long jump billi nuża karkura minnhom fil-bidu u oħra biex nimmarka fejn inkun qbiżt.

Nistqar ngħid li qatt ma kont nobsor li għad xi darba verament nikkompeti fi trakka ta’ vera. Ikkompetejt kważi fid-distanzi kollha.

Bdejt b’distanzi qosra u eventwalment ħadt sehem anke f’żewġ maratoni, dawk ta’ Ateni u ta’ New York. 

Ħadt sehem fis-60m, 100m, 200m, 800m, 1.5km, 3km, 5km, 10km, 13-il km, 17-il km, in-nofs maratona (21.1km) u kif diġà sem­mejt, il-maratona (42.2km). Kelli l-opportunitá wkoll li nieħu seħem fil-long jump.

Kemm kellek żmien meta bdejt tipprattikka l-atletika?

Bdejt nipprattika l-atletika fl-etá ta’ 18-il sena. 

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Kien hemm reklam li rajt b’kumbinazzjoni. Dan graz­zi għall-inizjattiva ta’ Mario Bonello u Paul Camilleri, żewġ coaches professjonali li flimkien mal-Kunsill Lokali tan-Nadur ħolqu l-Gozo Athletix AC. Għalina l-Għawdxin, din kienet l-ewwel opportunità fejn stajna nipprattikaw il-ġiri, it-tfigħ u l-qbiż.

Qabel kont nipprattika l-basketball u fl-ewwel erba’ snin tal-atletika kont anke nilgħab il-football. Imbagħad qlibt għall-atletika fejn ħassejt li huwa l-aktar sports li jagħtini sodisfazzjon.

Il-fatt li int ġejja minn Għawdex, x’sagrifiċċji iktar ikollok tagħmel?

Bħal sħabi l-atleti Għawdxin, għandi sfidi par­tikolari x’negħleb. Personalment ħassejtha l-iktar meta kont nikkompeti fid- distanzi l-qosra. 

Dan minħabba l-fatt li ma kellniex trakka adatta biex nittrenjaw fiha. Konna nittrenjaw fil-ground tal- football u allura kont inħossni żvantaġġata ħdejn l-atleti Maltin li għandhom faċilitajiet aħjar fejn jipprattikaw. 

Ilum il-ġurnata għandna trakka ta’ madwar 200m, li għalkemm qed tkun ta’ għajnuna għalina u għall- atleti futuri Għawdxin, xorta jinħass il-bżonn li tinbena trakka ta’ 400m b’fa­­ċilitajiet adekwati u fejn inkunu nistgħu nipprattikaw ukoll sports bħax-shot put, javelin u l-long jump. 

Rigward il-ġurnata tal- kompetizzjoni, tirrekjedi aktar sagrifiċċju biex inku­nu bizzejjed fil-ħin biex nilħqu nikkompetu.

Eżempju, għal ġirja li tibda fi 7.00 am, rridu naq­bdu vapur sagħtejn qabel. 

Min kienet dik il-persuna li ispiratek biex tagħżel l-atletika?

Kif semmejt minn dej­jem kont attiva, u kien riklam b’kumbinazzjoni tal-Gozo Athletix AC, im­bagħad eventwalment Ma­rio Bonello ħalla impatt fuqi biex nibda nieħu l-atletika bis-serjetá. 

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Irbaħt diversi unuri fl-atletika. L-ewwel wieħed kien fl-2008 meta ġejt fit-tieni post fil-200m fiċ- Championships. 

Fl-2012 ġejt fit-tielet post fil-200m fl-MAAA Challenge u fl-2015 ġejt l-ewwel fit-800m fl-istess kompetizzjoni. 

Unuri oħra li rbaħt marbuta mad-distanzi twal kienu meta spiċċajt fl-ew­wel, fit-tieni u fit-tielet post. Ingħatajt ukoll premijiet fost l-atleti nisa Għawdxin u kategorija tal-etá.

Fost dawn l-unuri fl-istaġun tas-sena 2015-16, irbaħt l-ewwel post fil-kate­gorija tal-25 sena fl-MAAA Road Running League u fl-2019 San Lawrenz 5km run in aid of Guatemala, it-tieni post fl-10km ta’ Ħal Qormi, OASI Cup Run, u House of Sport Three Cites u t-tielet post fil-Gozo Half Marathon, House of Sport 10k night run u 20km, ġewwa Spoleto fl-Italja.

Kelli l-unur li fis-snin 2015, 2017 u 2019 ikkwalifikajt bħala finalista għall- Isportiva Għaw­dxija tas- Sena.

Kemm temmen li l-media tagħtikom bizzejed pub­bliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħal ma huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż- Żgħar?

Ilum il-ġurnata nemmen li tingħata aktar promozzjoni minn qabel anke b’diversi programmi, artikli u posts fuq media socjali.

Nistqar peró li l-attenzjoni għadha xorta ffokata aktar fuq il-football. 

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Nixtieq li nibqa’ motivata biex nibqa’ nikkompeti u nikseb riżultati tajbin. 

Peró iktar minn hekk, permezz tal-atletika, nixtieq li sakemm inkun b’saħ­ħti biżżejjed nuża l-enerġija tiegħi għal persuni li qed ibatu. 

X’sagrifiċċji u impenn jitlob l-isport li int tipprattikka? 

Bħal kull ħaga oħra fil-ħajja l-atletika titlob impenn u sagrifiċċji li jkolli nagħmel mhux biss jiena imma anke n-nies ta’ madwari, fosthom il-ħin twil ta’ taħrig, il-ħinijiet ta’ taħrig u t-tip ta’ ikel li niekol.

Ninsab grata ħafna għall-coaches tiegħi, Mario Bonello, Paul Camilleri u Fabio Spiteri, il-club tal- Athletix Gozo AC, sħabi, fiżjo, kollegi u l-familjari li dejjem emmnu fija u tawni ċans nipprattika u nikkompeti b’mod regolari.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. X’tikkummenta?

Iva! F’tellieqa kulħadd jipprova jikseb l–aħjar ħinijiet u allura jidħol element ta’ kompetizzjoni. 

U propju din hija waħda mill-biżgħat tiegħi perso­nali ma’ sħabi l-kompetituri. Dan minħabba l-fatt li jekk ma tibqax fuq bazi ta’ kompetizzjoni, bħal meta tidħol l-għira, dan jaf taffettwa ir-relazzjoni ta’ bej­nietna. 

X’kompetizzjonijiet prin­ċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib? 

Minħabba s-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha, bħalissa m’għandi l-ebda kompetizzjoni speċifika. Kull ġirja għandha l-istorja tagħha. Meta jirnexxielek tibda u tispiċċa ġirja, is-sodisfaz­zjoni huwa kbir. Bla ebda dubju aktar minn qatt qabel napprezza kull ġirja. 

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħa­żagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

Inħeġġiġhom jeħduha bis-serjetá għaliex l-atletika tagħtik ħafna sodisfaz­zjon. 

Għalkemm huwa sport li tista’ tipprattikah ma’ persuni oħra, huwa sport individwali. 

U dan ifisser sagrifiċċji, u għalhekk ir-riżultati li tikseb ikunu sodifsazzjon ferm akbar. L-atletika tgħi­nek ħafna biex tħossok aħjar mentalment, fiżikament u soċjalment. 

Sport