Friday, May 3, 2024

Titħabbar il-mewt tal-leġġendarju Francisco Gento

Aqra wkoll

It-Tlieta tħabbret il-mewt tal-leġġendarju ta’ Real Madrid u Spanja, Francisco ‘Paco’ Gento, fl-età ta’ 88 sena.

Huwa qatta’ 18-il sena ma’ Real mill-1953 sal-1971, waqt li huwa l-uniku player li rebaħ it-Tazza tal-Ewropa sitt darbiet.

Il-winger xellugi għamel 600 dehra (428 fil-kampjonat) mal-club u skorja 182 goal (128 fil-kampjonat) hekk kif għenhom ukoll biex jiksbu 12-il titlu tal-kampjonat, żewġ titli tal-Copa del Rey u t-Tazza Interkontinentali darba.

Huwa lagħab 43 logħba għal Spanja u rrap­preżenta lill-pajjiżu fit-Tazza tad-Dinja tal-1962 u tal-1966.

Ir-rekord tal-club tiegħu ta’ 24 trofew, li dam għal aktar minn 50 sena, ġie milħuq il-Ħadd li għadda mill-captain ta’ Real, Marcelo, meta daħal bħala sostitut fir-rebħa tas-Super Cup Spanjola.

Gento beda l-karriera tiegħu ma’ Racing Santander qabel ma mar fil-kapitali Spanjola.

“Real Madrid jixtiequ jesprimu l-kondoljanzi,  l-imħabba u l-affezzjoni tagħhom lil martu Mari Luz, lil uliedu Francisco u Julio, lin-neputijiet tiegħu, Aitana u Candela, u lill-qraba, lill-kollegi u lill-maħbubin kol­lha tiegħu,” qalu Real fi stqarrija.

“Huwa dejjem se jibqa’ mfakkar mill-Madrileni u l-partitarji kollha tal-football bħala wieħed mill-akbar players tagħhom.”

Gento huwa president onorarju ta’ Real Madrid, u nhar il-Ħadd li ġej il-club se jagħtih ġieħ meta jiltaqgħu kontra Elche fi Stadio Santiago Bernabeu.

L-eks winger jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-akbar leġġendi li kellu il-club ta’ Real Madrid fl-istorja.

Sport