Thursday, March 28, 2024

Aġġornat: Jinstabu żewġ każi tal-varjant il-ġdid fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Is-Sibt wara nofsinhar tħabbar li nstab żewġ każi tal-varjant il-ġdid fir-Renju Unit. Jidher li dawn ġew identifikati f’Chelmsford, Essex u f’Nottingham.

Qed jiġi rrappurtat li hemm konnessjoni bejn iż-żewġ każijiet u ż-żewġ persuni qed jiżolaw lilhom infushom flimkien mal-familjari tagħhom filwaqt li qed isiru aktar testijiet u contact tracing.

Aktar qabel: Qed jiġu investigati aktar każijiet suspettati tal-varjant il-ġdid ġewwa l-Ewropa

Qed jiġu investigati l-ewwel każijiet suspettati tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 bl-isem ta’ Omicron fil-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka.

Ministru fl-istat ta’ Hesse fil-Ġermanja, illum qal li qed jiġi suspettat li l-varjant daħal wara li persuna rritornat lura fil-pajjiż mill-Afrika t’Isfel.

Permezz ta’ tweet, il-Ministru Ġermaniż Kai Klose qal li nstabu diversi mutazzjonijiet li ġeneralment huma tipiċi tal-varjant il-ġdid fuq din il-persuna.

Il-Prim Minsitru tar-Repubblika Ċeka Andrej Babiš qal li l-każ suspettat fil-pajjiż irriżulta wara li mara rritornat lura wara li għamlet xi żmien ġewwa Namibia.

Dan il-varjant ġie identifikat għall-ewwel darba fl-Afrika t’isfel u huwa magħruf uffiċjalment bħala B.1.1.529. Fl-aħħar sigħat tħabbar li dan il-varjant ġie identifikat f’pajjiż ieħor fl-Ewropa, ġewwa l-Belġju.

Intant, għexieren ta’ nies li waslu l-Olanda fuq żewġ titjiriet mill-Afrika t’Isfel nhar il-Ġimgħa rriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Bħalissa għaddejjin testijiet biex jiġi stabbilit jekk xi ħadd minnhom għandux il-varjant Omicron wara li waslu fl-ajruport ta’ Schiphol f’Amsterdam. 

L-awtorità tas-saħħa tal-pajjiż qalet li dawk li jkunu ttestjati pożittivi jkollhom jagħmlu kwarantina għal sebat ijiem jekk ikollhom sintomi u ħamest ijiem jekk le. Dawk li rriżultaw pożittivi kienu qed jinżammu f’lukanda ta’ iżolament qrib l-ajruport.

Ara x’qalet l-Għaqda Dinjija tas-saħħa (WHO) dwar dan il-varjant billi tagħfas hawnhekk.

Ekonomija

Sport