Mit-Tlieta, 1 ta’ Settembru, speċjalisti li jaħdmu fil-prattika privata, inklużi speċjalisti fil-mediċina tal-familja (tobba tal-familja), se jkunu jistgħu jitolbu firxa usa’ ta’ testijiet tad-demm u eżamijiet bl-ultrasound mill-isptarijiet tal-Istat u istituzzjonijiet oħra tas-saħħa għall-pazjenti li jkunu taħt il-kura tagħhom.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, ħabbar dan l-iżvilupp wara li saru d-diskussjonijiet meħtieġa ma’ dawk konċernati, fosthom l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja Privati, il-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja, rappreżentanti oħra ta’ speċjalisti li jaħdmu fil-privat u l-awtoritajiet ta’ Sptar Mater Dei.
“Dan il-ftehim ifisser li pazjenti ta’ speċjalisti privati fil-mediċina tal-familja se jiffrankaw il-ħin u l-flus billi ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jiġu riferuti fis-sistema pubblika, jew iħallsu privatament, biex jikkonsultaw speċjalisti oħra, sabiex jiksbu appuntament għal investigazzjonijiet li l-Istat jipprovdi fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u f’entitajiet oħra tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa,” qal Dr Borg, filwaqt li żied jgħid li “rridu nagħtu aktar għodod lill-ispeċjalisti fil-mediċina tal-familja fil-komunità biex ikunu parti integrali mill-impenn tagħna biex intejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tas-saħħa, ħalli l-pazjenti tagħna jibqgħu jirċievu l-aqwa kura possibbli.”
Din hija l-ewwel darba mill-2007 ’il hawn li l-aċċess għal investigazzjonijiet fis-servizz tas-saħħa pubbliku qed jitwessa’ għal speċjalisti li jaħdmu fis-settur privat. Sabiex il-proċess ikompli jitħaffef, it-talbiet għall-appuntamenti u r-riżultati kollha se jiġu pproċessati elettronikament permezz tas-sistema online myHealth. Riferimenti permezz ta’ formoli stampati m’għadhomx jiġu aċċettati.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li dan it-twessigħ tal-aċċess għall-ispeċjalisti privati fil-mediċina tal-familja huwa parti minn riforma li se titwettaq f’għadd ta’ fażijiet, skont il-kapaċità tal-laboratorji u s-servizzi tal-immaġni mediċi eżistenti u futuri, sabiex ma jkunx hemm impatt mhux mixtieq fuq pazjenti li diġà qed jistennew dijanjosi u trattament.
Fl-ewwel fażi, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru, speċjalisti fil-mediċina tal-familja u speċjalisti oħra fil-prattika privata se jkunu jistgħu jitolbu testijiet li jkopru s-saħħa tal-għadam, il-livelli ta’ vitamini u minerali; is-saħħa tas-sistema diġestiva u tal-imsaren, inklużi testijiet tas-coeliac, batterji li jistgħu jikkawżaw ulċeri fl-istonku, infezzjonijiet u infjammazzjoni tal-imsaren; markaturi ta’ infezzjoni u infjammazzjoni; valutazzjoni ta’ problemi tal-qalb u ta’ diffikultajiet bikrija fil-kliewi; enzimi tal-muskoli; kif ukoll monitoraġġ tal-livelli fid-demm għal pazjenti fuq trattament fit-tul għall-epilessija, kundizzjonijiet tal-qalb jew kundizzjonijiet tas-saħħa mentali.
Ostetriċi u ġinekologi se jkunu jistgħu wkoll jitolbu testijiet tad-demm ta’ rutina relatati mat-tqala, inklużi l-grupp tad-demm u testijiet għall-antikorpi, testijiet tal-immunità għar-rubella u l-ġidri r-riħ, ittestjar għas-sifilide u l-epatite B u Ċ, kif ukoll markaturi użati fil-valutazzjoni ġinekoloġika u waqt it-tqala.
Se jkunu disponibbli wkoll eżamijiet bl-ultrasound tal-addome u l-pelvi, tal-kliewi u l-bużżieqa tal-awrina, tal-għonq u t-tirojde, tat-testikoli, u ta’ boċċi u nefħiet taħt il-ġilda.
Il-Ministeru għas-Saħħa se jevalwa r-riżultati tal-ewwel fażi ta’ dan it-twessigħ tas-servizzi għall-ispeċjalisti fil-prattika privata qabel ikompli jwettaq inizjattivi simili oħra, inkluż aktar aċċess għar-rekords kliniċi tal-pazjenti.
Il-Ministeru qed jaħdem ukoll biex iżid il-kapaċità tal-faċilitajiet għall-ittestjar u l-immaġini mediċi, li bħalissa jipproċessaw aktar minn għaxar miljun test fis-sena. Qed imexxi wkoll ’il quddiem għadd t’investimenti infrastrutturali u teknoloġiċi, fosthom il-kostruzzjoni tad-Dipartiment il-ġdid tal-Immaġini Mediċi fl-Isptar Mater Dei, kif ukoll l-ippjanar ta’ proġett fil-qasam tal-bijokimika sabiex tinkiseb Awtomazzjoni Totali tal-Laboratorji (Total Laboratory Automation). Dan se jwitti t-triq għal aktar twessigħ tal-firxa ta’ investigazzjonijiet aċċessibbli għall-ispeċjalisti tal-mediċina tal-familja u speċjalisti oħra fil-prattika privata fis-snin li ġejjin.
