“Dan huwa mument storiku għal pajjiiżna. Dan huwa pass li bih qed nassiguraw li d-dinjità u l-awtonomija ta’ kull persuna f’Malta mhumiex negozjabbli.” Qalet dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli meta fil-Parlament kien qed jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali sabiex tiġi stabbilita projbizzjoni fuq l-isterilizzazzjoni furzata f’kull sitwazzjoni, ħlief meta jkun hemm riskji gravi għall-ħajja jew għas-saħħa fiżika tal-persuna.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-isterilizzazzjoni furzata tfisser li ssir operazzjoni fuq individwu mingħajr il-kunsens sabiex l-organi riproduttivi tagħha ma jibqgħux jaħdmu. “Meta xi ħadd jiddeċiedi f’ismek, joperak, biex inti f’ħajtek ma jistax ikollok tfal.”
Hija żiedet tgħid li din il-proċedura jista’ jisfa vittma tagħha prattikament kulħadd, l-aktar dawk vulnerabbli fosthom persuni b’diżabilità, aktar u aktar nisa li għandhom diżabilità.
“Il-problema tal-isterilizzazzjoni furzata mhix sempliċiment illi nwaqqfu persuna, ħafna drabi mara, milli jkollha tfal. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn il-ġisem bħala inkubatur meta niddiskutu s-saħħa sesswali.
“Jekk xi ħadd jidħol f’dar bla mistieden u jisraq dak li jsib, dak il-persuna qed jagħmel jedd fuqek u fuq dak li hu tiegħek mingħajr kunsens. Hekk ukoll fuq ġisimna. Anke jekk persuna ma tixtieqx li jkollha tfal, ħadd m’għandu dritt li jagħmel hu jedd fuq ġisimha u jeħdilha xi ħaġa li hi tagħha mingħajr kunsens tal-istess individwu.
“Dak li jkun ittieħed f’dan il-każ qatt ma jista’ jerġa’ jintradd lura. L-isterilizzazzjoni hi proċedura rriversibbli, ma tistax treġġagħha lura,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli filwaqt li esprimiet it-twemmin tal-Gvern f’din il-liġi għaliex jeżistu alternattivi għal steralizzazzjoni furzata.
Spjegat ukoll li din il-liġi taħseb illi sterilizzazzjoni titħalla ssir biss jekk ikun hemm neċessità medika straordinarja… sitwazzjonijiet li ġraw u jistgħu jibqgħu jiġru bħal pereżempju jkun hemm kanċer fl-utru jew ikun hemm tfal ta’ ftit snin għandhom bżonn jieħdu raġġi. “Jekk mhumiex dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji, nemmnu li fl-2024, f’pajjiż ċivilizzat, l-isterilizzazzjoni furzata m’għandha qatt titħalla ssir. Irridu naraw li meta jkun reat kriminali li xi ħadd jopera persuna jitlob saħasitra li ssir operazzjoni fuqha jew jassisti f’dik il-proċedura mingħajr kunsens tal-persuna dan ikun reat li persuna tista’ teħel bejn 5 u 9 snin ħabs jew iktar jekk ir-reat ikun jinvolvi ingann u tixħim kif ukoll multa ta’ bejn €8,000 jew €20,000.”
Il-Ministru Farrugia Portelli temmet tgħid li ladarba tgħaddi din il-liġi Malta se tkun il-11-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea bi projbizzjoni totali fuq l-isterilizzazzjoni li tkun furzata.
Min-naħa tagħha, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni Graziella Galea qalet li l-Oppożizzjoni taqbel li ħadd m’għandu jiddeċiedi għal persuna oħra sabiex isir dan il-proċess. “L-Oppożizzjoni se taqbel ma’ dan l-abbozz”, kompliet tgħid Galea, “abbozz li fih qed ikun hemm ċar li ħadd ma jista’ jiddeċiedi għal ħaddieħor ħlief f’każijiet eċċezzjonali.”
“Azzjoni permanenti bħal dik spjegata f’dan l-abbozz titlob li d-deċiżjoni mhux biss tittieħed mill-persuna konċernata direttament però anke li d-deċiżjoni tkun waħda infurmata,” qalet Galea.