L-Enemalta dwar id-diffikultajiet fil-provvista tad-dawl f’Għajnsielem…
Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem ta’ kuljum qiegħed jirċievi lmenti minn residenti minħabba li f’dawn il-jiem ta’ kesħa madwar 50 familja ma jistgħux jixegħlu apparat elettriku fosthom heaters u fornijiet, kif ukoll hemm xi lifts li m’għandhomx saħħa jaslu sa fuq u hemm djar li f’ċerti ħinijiet mhux qiegħed ikollhom provvista tal-elettriku. L-Enemalta f’dan ir-rigward qalet lil Talk.mt li qiegħda testendi l-linji biex b’mod immedjat ittaffi d-diffikultà tar-residenti, xogħol li mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Familja f’żoni differenti ta’ Għajnsielem irrikorrew għand is-Sindku tal-Kunsill ta’ Għajnsielem, Kevin Cauchi, biex jgħinhom f’din is-sitwazzjoni xejn ideali li ilha tippersisti ħafna u aggravat fl-aħħar xhur sakemm f’Diċembru saret insapportabbli. Huwa spjega li d-diffikultajiet fil-provvista tad-dawl f’xi żoni ta’ Għajnsielem qegħdin iseħħu għax hemm żieda fid-domanda għall-konsum tad-dawl minħabba, fost l-oħrajn, użu ta’ heaters u fl-istess ħin ħarġu ħafna permessi ta’ bini li maż-żmien telgħu u ġew abitati.
“Ovvjament ma sarx l-istess investiment jew żieda ta’ provvista ta’ dawl u għaldaqstant il-provvista eżistenti mhiex tlaħħaq biex ikun hemm għal kulħadd”. Min-naħa tiegħu Cauchi qalilna li jinsab f’kuntatt mal-Enemalta u l-awtoritajiet ikkonċernati bil-għan li jipprova jgħin avolja dan mhuwiex kompitu tagħhom.
L-Enemalta min-naħa tagħhom żiedu li, “għandna ppjanat biex sa Ġunju ninvestu f’żewġ susbtations ġodda fir-raħal t’Għajnsielem ħalli tlaħħaq aħjar maż-żieda fid-domanda li kien hemm f’din il-lokalità. Ix-xogħol amministrattiv u tekniku fuq l-ewwel substation lest tant li t-tħaffir tat-trinek biex jitqegħdu cables ta’ vultaġġ medju huwa mistenni jibda fi Frar”.
Din infurmatna wkoll li qiegħda tilqa’ l-offerti biex isir ix-xogħol meħtieġ għat-tieni substation li x-xogħol fuqha jinsab fi stadju avvanzat.