Friday, December 27, 2024

“Qed nibagħtu messaġġ ċar li s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna huma ta’ prijorità assoluta”

- il-Ministru Jonathan Attard

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta lbieraħ fil-Parlament bdiet tiġi diskussa l-liġi l-ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li x-xogħol u l-lantijiet tax-xogħol qed jinbidlu kontinwament bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji u proċessi ta’ ħidma ġodda, bidliet fl-istruttura tal-forza tax-xogħol u tas-suq tax-xogħol, forom ġodda ta’ impjiegi u organizzazzjoni tax-xogħol. Dan bla dubju jista’ jwassal għal riskji u sfidi ġodda għas-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Huwa enfasizza li dan l-Att il-Ġdid se jkun qiegħed jindirizza realtajiet li s’issa kienu qed jiżgiċċaw minħabba nuqqas ta’ aġġornament tal-att maż-żminijiet. Semma kif dan l-Att jipprovdi fost oħrajn li prinċipali għandhom d-dmir li jaħtru HSRO (impjegat ta’ grad għoli f’livell maniġerjali), li għandu jkun inkarigat bis-superviżjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ kuljum tal-miżuri, il-politiki u l-proċeduri tas-saħħa u s-sigurta fuq ix-xogħol tal-Att il-Ġdid.

Qal ukoll li l-Att il-Ġdid ser jintroduċi wkoll proċedura ta’ kompromess speċjali li biha f’każijiet fejn l-Awtorità temmen li persuna tkun ikkommettiet reat kontra l-Att il-Ġdid, l-Awtorità tista’ tagħti avviż bil-miktub lil dik il-persuna li jiddeskrivi r-reat li dwaru tkun akkużata l-persuna, fejn tindika l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġi rimedjat ir-reat u multa ta’ kompromess li tkun meħtieġa tħallas fir-rigward ta’ dak ir-reat.

Il-Ministru Attard spjega wkoll kif l-Awtorità se tkun qiegħda żżomm reġistri ta’ persuni kompetenti fi kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà, u tiżviluppa skemi kif meħtieġ għall-akkreditazzjoni tal-kompetenza, u, jew ċertifikazzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali.

Huwa temm jgħid li l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna mhijiex biss obbligu legali. “B’dan l-abbozz ta’ liġi, qed nuru l-impenn tagħna u nibagħtu messaġġ ċar li s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna huma ta’ prijorità assoluta. Flimkien, nistgħu noħolqu postijiet tax-xogħol aktar sikuri għal kulħadd.” 

Ekonomija

Sport