Monday, December 23, 2024

“Qed nistenna b’ħerqa l-budget ta’ għada”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-gvern jeħtieġ jgħaddi mill-kliem għall-fatti

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’intervista li kellu jum biss qabel Budget 2022 qal li qiegħed jistennih b’ħerqa u qiegħed jippretendi li dan ikun wieħed tajjeb “mhux bil-kliem iżda bil-fatti”. Saħaq li dan il-budget għandu jindirizza għadd ta’ problemi bl-aktar li nsista fuuqhom jkunu li jnaqqas il-piżijiet fuq iż-żgħir; li jkun hemm aktar investiment fis-setturi tal-edukazzjoni u tas-sigurtà; kif ukoll li jgħin biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

“Biex in-nies jgħixu tajjeb ħajjithom irid ikun hemm pjan ekonomiku għaqli li huwa tajjeb għal pajjiżna. Il-piżijiet li għandna llum, l-ambjent, it-traffiku u s-saħħa mentali huma kollha li b’xi mod jew ieħor, milquta mill-pjan ekonomiku. Nittama li fil-budget nisimgħu mill-Ministru mhux biss ammissjoni li l-pjan ekonomiku li ħaddan f’dawn l-aħħar disa’ snin kien ħażin, imma li jgħid li għandna pjan ekonomiku ġdid u aħjar ħalli ma jkunx hemm dik il-qasma ta’ bejn min għandu u min m’għandux, li jgħid kif se ngħinu aktar nies biex ma jkollhomx għalfejn jittalbu għall-ikel għax allaħares ma jkunx għall-kċejjen li jgħinu lil dawn il-nies li bil-kemm ikollhom x’jieklu,” sostna Grech. 

Filwaqt li kompla jikkritika l-Gvern b’akkużi li ma sarx investiment fis-saħħa mentali, il-Kap tal-PN ammetta li l-flyovers li saru “ma tistax tgħix li mhumiex sbieħ u li tejbu xi ftit” imma wara xorta waqa’ fir-retorika tal-kritika u saħaq li l-istess flyovers, mhumiex biżżejjed.

Għal darba tnejn tlieta għax mhuwiex huwa li se jippreżenta budget wara sentejn pandemija globali u gwerra rikorrenti fil-kontinent tagħna li wasslet għall-sfidi ekonomiċi kbar fid-dinja kollha, Grech irribatta li jippretendi li dan il-budget ikun wieħed tajjeb u dan f’sens ta’ direzzjoni ekonomika. Huwa min-naħa tiegħu qiegħed jistenna b’antiċipazzjoni biex jara x’se joħloq ġdid il-Gvern ta’ Robert Abela.

Min-naħa l-oħra Grech ma naqasx li jfakkar li d-dokument ta’ qabel il-budget tal-PN sar b’konsultazzjoni mal-esperti, l-imsieħba soċjali u stakeholders u fih aktar minn 340 proposta. Huwa spjega li, “aħna partit bl-aħjar intenzjonijiet għax aħna ma nafux kollox u għalhekk nikkonsultaw”. Grech qal li l-proposti tagħhom jindirizza l-isfidi li għandna fil-pajjiż u li żammu l-aktar ħaġa importanti quddiemhom – jiġifieri dik tar-ruħ soċjali għax hija din li tiddistingwihom mill-mod kif iħarsu lejn il-politika u lejn dik il-persuna biex ħajjitha titjieb.

Il-PN jemmen li għandu politika li jaf li taħdem biex in-nies jimxu ‘l quddiem. Grech qal li żgur hemm ħtieġa ta’ setturi ekonomiċi ġodda bħalma għamlu meta kienu fil-Gvern fosthom is-settur tal-gaming fejn “konna aħna li ħloqnihom u għadhom irendu l-biljuni ta’ ewro. Dawn saru grazzi għall-politika tal-PN li hija politika fit-tul għax għaddew dawn is-snin kollha u għadna qegħdin nieħdu l-frott tiegħu”.

Bernard Grech qal li fid-dokument tagħhom jindirizzaw problemi bħall-mobilità soċjali ħalli jeliminaw id-diffikultà ekonomika li “ħafna nies qegħdin ibatu minnha bħalissa. Aħna m’aħniex kuntenti bil-minimu li għandhom bżonn in-nies. Irridu l-kwalità tal-ħajja”.

Fl-intervista l-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ l-laqgħat li kellu mal-bdiewa u r-raħħal fejn wiegħed li se jgħinhom u jkun il-vuċi tagħhom fil-parlament, kif ukoll dawk li saru mal-ġurnalisti fir-rigward il-liġi proposta li tolqot lil din il-professjoni. Bernard Grech temm jgħid li din il-liġi ma saritx b’konsultazzjoni u esiġa li l-Gvern jirtira l-abbozzi li hemm bħalissa bil-għan li “issir l-imsemmija konsultazzjoni u jekk hemm bżonn din il-liġi terġa’ ssir mill-bidu”.

Ekonomija

Sport