Saturday, May 4, 2024

“L-ewwel budget minn ħamsa fid-direzzjoni li tixraq lil pajjiżna”

Il-PM jisħaq dwar ir-ruħ soċjali li tara li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-ewwel budget minn ħamsa li permezz tiegħu se nkomplu nimplimentaw il-manifest Malta Flimkien. Ix-xogħol li għamilna jrid jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Iva se nerġgħu nressqu budget mingħajr taxxa ġdida.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt attività politika fin-Naxxar filwaqt li fakkar dwar meta fil-bidu tal-pandemija kien hemm ħafna li qalulu biex ma jazzardax isemmi budget mingħajr taxxi għax bl-għajnuna li kellu joħroġ, il-gvern ma kienx se jkun fi stat li jagħmel dan. Madanakollu, il-Prim Ministru qal li hu dejjem irreżista dan il-ħsieb ekonomiku u li bi tkabbir ekonomiku u tisħiħ fis-sistema ta’ Governanza tajba, allura pajjiżna seta’ tabilħaqq jibqa’ jkollu budget wara l-ieħor mingħajr introduzzjoni ta’ taxxi ġodda.

Abela qal li l-gvern seta’ jistrieħ fuq dak li qed jiġri fuq livell internazzjonali u fost l-oħrajn iħalli s-suq isuq, imma minflok ra li jappoġġja, jintervjeni u jgħin lin-nies tiegħu biex kemm jista’ jkun ħadd ma jaqa’ lura.

Il-Prim Ministru qal li fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fid-dokument tagħhom qabel il-budget, fallew saħansitra fil-kitba u li dan kollu juri kemm l-Oppożizzjoni hija waħda dilettanteska.

Il-Prim Ministru tkellem dwar gvern ta’ qabel l-2013 li kien ikun bla viżjoni u li jara biss li jibda jiġbor kemm jista’ jkun malajr it-taxxi ġodda li kien jintroduċi. Huwa qabbel l-instabbiltà politika li gvern Nazzjonalista kien daħħal lil pajjiżna minkejja li ma kinux jeżistu dawn l-isfidi daqstant kbar fuq livell internazzjonali mal-istabbiltà ta’ gvern Laburista li baqa’ jwieżen lin-nies fl-aktar żminijiet diffiċli. 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar politika sempliċi, iżda onesta man-nies. Tkellem dwar il-kuntest tal-aħħar tliet snin u li normalment iċ-ċiklu ta’ avveniment li għexna f’dan il-perjodu jieħdu għexieren ta’ snin biex iseħħu. Fakkar li pajjiżna f’medda tant qasira ta’ żmien kellu jaffaċċja pandemija, il-gwerra fl-Ukrajna, kriżi fil-prezzijiet tal-enerġija u kriżi ekonomika li għadha għaddejja. “Kienu x’kienu l-isfidi, żammejna l-punt bażiku ta’ gvern b’ruħ soċjali li baqa’ jmexxina ’l quddiem”, kompla jisħaq Abela.

Fost l-għajnuniet li dan il-gvern baqa’ jagħti, Abela semma ż-żidiet lill-pensjonanti, żieda fil-benefiċċji lil persuni b’diżabbiltà, tnaqqis fit-taxxi fuq l-overtime u l-part time, żieda fl-iskemi għal dawk li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Tnaqqis fit-taxxi għal dawk li jixtru f’UCA u bl-istess għan iddaħħlu skemi ġodda għall-first-time buyers li ġew marbutin mal-prijoritajiet ambjentali ġodda ta’ dan il-gvern u għalhekk saru akbar l-għajnuniet għal min jinvesti f’UCA jew proprjetajiet li ilhom battala.

“Komplejna nindirizzaw inġustizzji tal-imgħoddi. Inġustizzji li f’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista għalqulkom il-bieb f’wiċċkom dwarhom u aħna, sena wara sena, bi pjan sostenibbli qed nindirizzawhom. Li kien għan-nazzjonalisti dawn nies li ma ħadu xejn. Għax hekk għamlu meta kienu fil-Gvern. Għax tajjeb ma ninsewhomx ċerti affarijiet”, kompla jispjega Abela.

Kompla biex isemmi uħud mid-diversi għajnuniet oħra li permezz tagħhom ħalla aktar flus fil-bwiet tan-nies fosthom billi ssaħħu l-istipendji, komplew jiżdiedu l-mediċini fuq il-formularju tal-gvern u riċentament ġie introdott ukoll is-servizz tat-trasport b’xejn għal kulħadd.

Filwaqt li saħaq dwar l-investimenti infrastrutturali li saru u dawk li għad iridu jitwettqu, il-Prim Ministru qal li dan kollu jikkonferma l-kredibbiltà ta’ dan il-gvern li jwettaq dak li jwiegħed.

Tkellem dwar il-konferenza tal-Ernst & Young li rat aktar minn 900 investitur li b’mod konsistenti tkellmu rigward il-fiduċja tagħhom f’pajjiżna. Innota li skont l-istħarriġ ippubblikat, żdied in-numru ta’ investituri li 10 snin oħra jarawhom f’pajjiżna biex ikomplu jinvestu u li bħala pajjiż għadu attraenti għal investimenti barranin. 

Abela rringrazzja lill-Ministru Silvio Schembri u lill-Ministru Miriam Dalli li bil-ħidma kontinwa tagħhom bħala tim ferm iktar wiesgħa, iżda iżjed magħqud, pajjiżna rnexxilu jirreġistra nofs biljun ewro f’investiment barrani b’aktar pajjiżi li jibqgħu jagħżlu lil pajjiżna għal dan ir-rigward.

“Dan kollu ġġibu meta barra minn pajjiżek, titkellem b’vuċi waħda, bi kburija, b’fiduċja dwar il-kapaċitajiet ta’ pajjiżek u dwar it-twemmin tiegħek”, żied jgħid il-Prim Ministru hekk kif semma’ dwar kif f’konferenza fl-aħħar jiem mal-bqija tal-istati membri fi Brussell, saħaq dwar il-bżonn ta’ azzjoni quddiem il-kriżi tal-enerġija.

Fakkar li sa ftit tax-xhur ilu kien hawn pajjiżi li ħallew lin-nies jerfgħu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u li konsegwentament kien hawn negozji, fabbriki u lukandi li kellhom jagħlqu l-bibien għax għotru. Min-naħa tiegħu Abela spjega lill-mexxejja l-oħra li pajjiżna sa minn Frar intervjena biex jgħin lin-nies tiegħu biex irnexxielu jżomm l-inqas rata ta’ qagħad u l-investiment li baqa’ jissaħħaħ. 

“Hawn min qed jipprova jagħmel minn kollox biex ifixkel din is-serenità li ġejja mill-istabbiltà u iktar kemm se naraw hekk aħna se nibqgħu ffukati biex immexxu ’l quddiem lil dan il-poplu. Huwa fuq din l-istabbiltà li nistgħu nibnu ġejjieni sabiħ għall-poplu tagħna għax dan huwa gvern tan-nies, għadu tan-nies u se jibqa’ ta’ spalla għan-nies”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Sport