Jekk qed tippjana ftit jiem barra minn Malta matul dawn il-vaganzi tal-Milied, huwa importanti li tkun konxju tad-drittijiet tiegħek u kif ukoll tar-responsabbilitajiet tiegħek f’każ li l-itinerarju tal-vjaġġ tiegħek jiġi mfixkel minn xi dewmien jew kanċellazzjoni ta’ titjira. Il-possibbiltà li titjira tittardja hija bla dubju aktar komuni milli titjira tiġi kkanċellata. Dan id-dewmien ħafna drabi jkun qasir, però jista wkoll jirriżulta f’sigħat ta’ stennija fl-ajruport u b’hekk ifixkel il-pjanijiet tal-vjaġġ tiegħek.
Meta titjira tittardja għal aktar minn sagħtejn, il-linji tal-ajru huma l-ewwel nett obbligati li jieħdu ħsiebek billi jipprovduk b’ikliet u xorb proporzjonati għall-ħin ta’ stennija.
F’każ ta’ dewmien li jaqbeż il-ħames sigħat, il-linji tal-ajru għandhom joffrulek għażla bejn ir-rimborż tal-biljett tal-ajru fi żmien sebat’ ijiem u jekk applikabbli titjira bir-ritorn lejn l-ewwel punt tat-tluq, u tibdil tar-rotta taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli lejn id-destinazzjoni finali tiegħek.
Il-linja tal-ajru tista’ wkoll toffrilek rotta alternattiva f’data aktar tard. Però fl-aħħar mill-aħħar huwa l-passiġġier li jagħżel liema soluzzjoni hija l-aktar waħda addattata għal-bżonnijiet tiegħu.
Jekk tiddeċiedi li tistenna t-titjira oriġinali tiegħek u l-istennija tinvolvi lejl, f’din is-sitwazzjoni l-linja tal-ajru għandha tipprovdik b’akkomodazzjoni f’lukanda u trasport bejn l-ajruport u l-lukanda.
Skont ir-raġuni tad-dewmien tat-titjira, inti tista’ wkoll tkun intitolat għal kumpens finanzjarju. Fil-fatt, jekk it-titjira tiegħek tittardja għal aktar minn tliet sigħat u r-raġuni tad-dewmien ma tkunx ċirkustanza straordinarja, inti għandek tingħata kumpens monetarju mingħand il-linja tal-ajru li jvarja bejn €250 u €600 skont it-tul tat-titijira.
Drittijiet simili japplikaw meta titjira tiġi kkanċellata. Madankollu, f’dan il-każ l-għażla bejn rifużjoni tal-biljett tat-titjira u tibdil tar-rotta għandha tiġi offruta mil-linja tal-ajru hekk kif il-passiġġiera jiġu infurmati dwar il-kanċellament.
Jekk f’din is-sitwazzjoni tagħżel ir-rifużjoni tal-biljett tal-ajru, dan ifisser li l-linja tal-ajru hija obbligata biss li tirrifondik l-ammont sħiħ imħallas għall-biljett tat-titjira. Madankollu, din tista’ ma tkunx l-aħjar għażla meta t-titjira kkanċellata tkun it-titjira li ser tieħdok lura pajjiżek.
Dan għaliex f’dan il-każ inti jkollok issib titjira oħra li twasslek fid-destinazzjoni tiegħek u dawn l-ispejjeż jistgħu ikunu aktar mill-biljett tat-titjira oriġinali. Żomm f’moħħok li f’sitwazzjonijiet bħal dawn jekk ma ssibx tijira lura lejn pajjiżek fl-istess ġurnata, tista’ ġġarrab ukoll spejjeż ta’ akkomodazzjoni.
Għalhekk, huwa rakkomandabbli li titlob lill-linja tal-ajru biex tipprovdilek għażliet ta’ tibdil tar-rotta u jekk dawn ma jkunux disponibbli fl-istess jum, allura l-linja tal-ajru hija wkoll legalment responsabbli biex tkopri l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni sakemm inti tkun qed tistenna biex tirkeb it-titjira li twasslek lura f’pajiżek.
Jekk il-linja tal-ajru ma toffrilekx tibdil tar-rotta u ma jkollokx għażla oħra ħlief li inti ssib titjira alternattiva, imbagħad importanti li tiġbor l-evidenza ta’ dan kollu u anke żomm l-irċevuti tal-ispejjeż kollha li ġarrabt. Hekk kif tasal lura pajjiżek, ikkomunika mal-linja tal-ajru u itlob rifużjoni tal-ispejjeż addizzjonali. Madankollu huwa importanti li dawn l-ispejjeż żejda jinżammu baxxi kemm jista’ jkun.
Il-kumpens finanzjarju japplika wkoll għal titjiriet ikkanċellati sakemm il-linja tal-ajru ma tippreżentax provi li l-kanċellament kien kawżat minn ċirkustanza straordinarja li ma setgħetx tiġi evitata.
M’intix intitolat li titlob kumpens monetarju jekk il-linja tal-ajru tinfurmak dwar il-kanċellament tat-titjira mill-inqas 14-il jum qabel id-data tat-tluq. M’hemmx ukoll obbligu ta’ kumpens meta l-linji tal-ajru jinfurmaw lill-passiġġiera tagħhom dwar it-titjira kkanċellata bejn 7 u 14-il jum qabel id-data tat-tluq u joffrulhom titjira alternattiva li titlaq mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq oriġinali u tasal fl-aħħar destinazzjoni inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla oriġinali.
Passiġġiera tal-ajru li jesperjenzaw dewmien u kanċellazzjonijiet u ma jirċievux mil-linja tal-ajru l-kumpens li huma intitolati għalih, għandhom l-ewwel nett jagħmlu talba għal kumpens mal-linja tal-ajru kkonċernata.
Jekk il-linja tal-ajru tirrifjuta t-talba, il-passiġġiera għandhom jikkuntattjaw lill-Korp Nazzjonali tal-Infurzar (National Enforcement Body) fil-pajjiż fejn seħħ id-dewmien jew kanċellament.
Meta titjira tittardja jew tiġi kkanċellata f’Malta jew barra mill-UE fuq titjira lejn Malta fuq linja tal-ajru liċenzjata mill-UE, il-passiġġiera jistgħu jressqu l-ilment tagħhom lill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq [email protected].