Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Sa minn meta kont żgħir bdejt nigi espost għal dan l-isport bis-saħħa ta missieri. Missieri dak iż- żmien kien diġá kowċ tal-futbol u kont immur miegħu t-taħriġ biex sakemm jieħu ħsieb it-taħriġ jien kont nieħu ballun u kont noqgħod nilgħab waħdi. Apparti min hekk, minn età ta’ madwar erba’ snin bdejt nittrenja fin-Nursery ta’ Ħal-Qormi, u minn hemm bdiet tiżdied l-imħabba u l-passjoni tiegħi għal dan l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Dingli Swallows FC.
Dan kien l-ewwel staġun tiegħi mal-klabb ta’ Dingli, fejn fil-bidu tal-istaġun ingħaqadt ma’ tim li l-għan tiegħu kien li jikseb il-promozzjoni. Kien staġun interessanti u ta’ sfida, tant li l-promozzjoni se tiġi deċiża bir-riżultati tal-aħħar partita tal-istaġun
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Sa mill-bidu tal-istaġun, it-tim kien konsistenti u dejjem żamm postu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Iktar ma għaddew il-logħbiet it-tim sar aktar magħqud u deher fil-prestazjonijiet li issa wassluna rebħa ‘l bogħod biex niksbu dak li ilna staġun sħiħ naħdmu għalih.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun hekk kif issa ninsabu proprju lejn l-aħħar tiegħu?
It-team kollhu jinsab koncentrat u determinat fuq l-loghba ta’ nhar il-Hadd, fejn nafu li hemm sfida difficli tistenniena u għalhekk qegħdin nippreparaw bl-aħjar mod possibli biex niksbu t-tragward tal-promozzjoni.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Fejn jidħlu t-tip s-sessjonijiet ta’ taħriġ u livell ta’ kowċing kemm fin nurseries u anke fil-livell ta’ Senior team nemmen li kien hemm titjib meta mqabbel mas-snin preċedenti. Però, jekk tqabbel il-livell tal-futbol f’Malti ma’ dak ta’ barra minn xtutna, ma nħossx li sar avvanz għaliex id-distakk għadu evidenti.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Minn aspett ta’ infrastruttura ta’ Dingli Swallows FC, il-klabb għandu grawnd ta’ livell tajjeb għall-istandards ta’ Malta fejn għandhom ukoll gym. Rigward fejn nilagħbu l-logħob kompetittiv tagħna, t-turf jinbidel kull ftit snin li jgħin biex jinżamm livell tajjeb. Peró, il-faċilitajiet ta’ uħud mill-grawnds bħad-dressing rooms, nemmen li għandhom bżonn titjib.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa, il-ħsibijiet tiegħi huma fuq il-logħba li jmiss biex ngħin lit-tim niksbu l-promozzjoni li ilna naħdmu għaliha matul dan l-istaġun.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Fil-futbol, it-talent jgħinek imma l-passjoni u s-sagrifiċċju huma dawk li jwassluk ‘il quddiem. Il-messaġġ tiegħi għaż-żgħażagħ hu li qatt ma jaqtgħu qalbhom, jibqgħu jaħdmu u jemmnu fihom infushom.

