Thursday, April 16, 2026

Il-CAS toħroġ deċiżjoni dwar l-appell ta’ Swieqi U. kontra Melita u l-Malta FA

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS) ħarġet id-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ appell ippreżentat minn Swieqi United kontra Melita FC u l-Malta FA dwar partita tal-BOV Challenge League aktar kmieni dan l-istaġun.

Id-deċiżjoni tikkonċerna partita bejn iż-żewġ timijiet li saret fit-13 ta’ Settembru 2025.

L-għada tal-partita, Melita ressqu protest quddiem il-Bord tal-Protesti tal-Malta FA kontra Swieqi United, fejn allegaw li r-reġistrazzjoni ta’ Souza Barros Ferreira Felipe kienet saret bi ksur tal-Artikolu 9A (a) tar-Regolamenti tal-Kompetizzjoni tal-Assoċjazzjoni. Skont Melita, tali reġistrazzjoni irregolari kienet tagħmel lill-player “mhux bona fide” skont ir-regoli, u b’hekk Swieqi allegatament kisru l-Artikolu 9 tar-Regolamenti tal-Kompetizzjoni. Melita kienu talbu lill-Bord tal-Protesti tal-Malta FA biex jiddikjara l-partita mitlufa minn Swieqi u li jingħataw it-tliet punti lil Melita.

Fid-difiża tagħhom, Swieqi ammettew li kienu rreġistraw ħames players mhux Maltin u li l-player mhux eliġibbli pparteċipa fil-partita. Madankollu, Swieqi sostnew li l-players Mawuena Salam Kojo u Bergamini Dennis kienu eliġibbli biex jilagħbu fil-Youth League u għalhekk Swieqi kienu intitolati li jirreġistraw ħames players b’kollox mhux Maltin.

Fis-26 ta’ Settembru 2025, il-Bord tal-Protesti ta d-deċiżjoni tiegħu biex u laqa’0 l-protest ta’ Melita u ordna li r-riżultat tal-partita jkun ta’ 3-0 favur Melita.

Imbagħad Swieqi ippreżentaw Dikjarazzjoni ta’ Appell mal-CAS kontra din id-deċiżjoni fil-15 ta’ Ottubru 2025 skont l-Artikoli R47 u R48 tal-Kodiċi tal-Arbitraġġ relatat mal-Isport tal-CAS.

Il-Malta FA kienet rappreżentata mill-Manager tas-Servizzi Legali/Prosekutur Dr Herman Mula, is-Segretarju Ġenerali Dr Maria Azzopardi u l-Viċi President Dr Matthew Paris.

Wara proċess ta’ arbitraġġ, il-CAS fl-14 ta’ April 2026 ddeċidiet li l-każ jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-CAS.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport