Friday, December 13, 2024

QERDA

Aqra wkoll

Erġajna rajna… bħal ma snin twal ilu konna naraw matul il-gwerra tal-Vjetnam… kif il-qerda li l-gwerra ġġib magħha tolqot lil kull min jieħu sehem fiha, volontarjament jew le, u hi rreversibbli. Talanqas fuq il-bnedmin. Binjiet terġa’ tibnihom, anke bħal ma kienu qabel inqerdu, forsi. Imma lill-mejtin ma tistax tirxoxtahom.

Fuq il-karta dil-ħaġa tiftiehem, anke jekk mill-bogħod. Meta l-qerda tkun qed tiġri fir-realtà u b’mod li tista’ tarah jiġri minn jum għal jum, l-effetti tagħha jinħassu ħafna aktar u jinħassu ħafna eqreb.

Bil-moħħ tifhem il-prinċipju li kien ħareġ bih il-filosofu tal-gwerra von Clausewitz: Il-gwerra hi t-tkomplija tal-ħidma politika imma b’mezzi oħra. Quddiem il-fatti tal-qerda tifhem kemm dawn il-mezzi jistgħu jkunu distruttivi, krudili u irrazzjonali. Mhux ta’ b’xejn li matul is-snin, il-kurrenti paċifisti fost il-popli baqgħu qawwija anke jekk dejjem minn taħt.

Quddiem il-fatti tal-qerda, anke l-ideat dwar fhiex tikkonsisti l-“gwerra ġusta” jibdew jinħassu ftit jew wisq deriżorji.

KOLLOX SE JITWETTAQ?

Tassew ma nistax nara kif l-Unjoni Ewropea… u forsi anke l-Istati Uniti jekk se naslu għal hekk… se ssibha possibbli li twettaq kollha fl-istess żmien il-proġetti li trid tvara biex tilħaq l-għanijiet li qed tpoġġi ’l quddiem. Nifhem l-insistenza li biha l-Kummissjoni Ewropea per eżempju qed tisħaq li xejn m’għandu jitwaqqaf jew jittieħed b’lajma akbar. 

Il-biża’ jekk tagħmel hekk ikun li tinfetaħ id-diga biex kull min qed jinqaras minn naħa jew oħra, jew ma jogħġbux xi aspett jew ieħor tal-proġetti li qed ikunu mħejjija, jara kif jagħmel biex iħarbat ir-rankatura tat-twettiq.

Min-naħa l-oħra, biex kull ma’ qed jitħassel jista’ jimxi ’l quddiem, l-investimenti meħtieġa, publiċi u privati, qed isiru enormi. Kif se jinstabu?  

NEWTRALITÀ

Quddiem il-bidliet kbar li jinsabu għaddejja fil-mod kif l-Ewropej iqisu s-sigurtà tagħhom, pajjiżi bħall-Finlandja, l-Isvezja u anke l-Awstrija qed jiflu mill-ġdid l-istatut tagħhom ta’ newtralità. Studji tal-istħarriġ ta’ opinjoni qed juru li wara l-invażjoni ta’ Putin fl-Ukrajna, maġġoranza ta’ ċittadini f’dawn il-pajjiżi saru favur li jidħlu membri tan-NATO.

Il-pajjiżi newtrali Ewropej qed isiru dejjem aktar iżolati hekk kif l-Unjoni Ewropea tkompli tavvanza fil-mira tal-istrateġija awtonoma li trid tissettja, bil-miżuri li tieħu skont dak li qed jissejjaħ il-“Kumpass” Strateġiku.

Personalment nibqa’ nemmen li għal Malta it-triq għandha tibqa’ dik ta’ newtralità. Imma nifhem li għandu jkun hemm diskussjoni dwar kif għandna nartikolawha u nħaddmuha wara aġġornament sobriju u fattwali ta’ politika, wieħed li jqis mingħajr sentimentaliżmu jew antagoniżmu l-esperjenzi tal-pajjiż bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

Sport