Tuesday, March 11, 2025

Qormi Daikin jirbħu l-ewwel turnew tal-hockey 5s

Aqra wkoll

Qormi Daikin rebħu l-ewwel turnew tal-hockey 5s organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey wara li spiċċaw fl-ewwel post tal-klassifika bi 12-il punt. Huma kisbu punti massimi minn sitt logħbiet filwaqt li ddominaw kull partita li lagħbu.

Fit-tieni ġurnata ta’ logħob li ntlagħbet fil-kumpless tal-hockey f’Kordin, il-Qriema għelbu lil Floriana Young Stars 7-3, lil White Hart 12-0 u ħadu walk-over ta’ 3-0 kontra GREE Żurrieq Wolves Hotsticks.

F’aktar riżultati, Floriana Young Stars għelbu lil White Hart 8-2.

Fi tmiem it-turnew, il-president tal-Hockey Association David Agius ippreżenta t-tazza lill-plejer ta’ Qormi Daikin Nathan Pace Gasan.

Sadanittant, saret ukoll partita ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ timijiet femminili ta’ Qormi u Marsaskala Heat b’tal-ewwel jirbħu 3-0.

Mill-hockey 7s, Rabat għelbu lil Floriana 1-0 bil-gowl uniku skorjat minn Matthew Buhagiar.

Finalment, Qormi Daikin ġew ippreżentati bit-tazza rebbieħa tal-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena minkejja li tilfu l-logħba kontra Marsaskala Heat 5-4.

Eyan Toledano skorja doppjetta filwaqt li Kyron Carabott, Damien Lupu u Alessandro Piscopo żiedu aktar gowls għar-rebbieħa.

Dion Fenech, Liam Carabott, Zackary Farrugia u Aydin Aquilina kienu l-awturi tal-gowls għal Qormi.

Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Hockey Association of Malta David Agius ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Qormi Daikin Dion Fenech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport